L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Aħna għandna d-drawwa sabiħa li niċċelebraw il-jum tat-twelid ta’ dawk li huma għeżież għalina, bħal fil-familja. Illum għandna t-twelid ta’ dik li hija Omm Ġesù, imma wkoll li hu tahielna bħala ommna. Għalhekk qed niċċelebraw illum bil-ferħ it-twelid ta’ Marija, li hu t-twelid ta’ ommna. U qed nagħmlu dan bil-ferħ, kif smajna fil-Kelma ta’ Alla, meta fis-Salm  għedna “nifraħ b’ferħ kbir fil-Mulej” għax it-twelid ta’ Marija mhux biss hu għażiż għax hu t-twelid ta’ dik li hija omm tagħna, imma wkoll għax fisser bidu ġdid, fisser tama ġdida għall-poplu u għad-dinja kollha. Għalhekk illum hija festa kbira fil-Knisja kollha.

Sinifikat speċjali għal pajjiżna

Imma mbagħad hemm ukoll tifsira partiulari għalina l-Maltin. Mhijiex biss il-festa tat-twelid tal-Verġni Marija, imma naraw ukoll ir-rabta ta’ din il-festa mal-Istorja ta’ pajjiżna. Speċjalment ma’ mumenti importanti, li ġraw proprju b’rabta ma’ din il-jum, 8 ta’ Settembru, li fissru għalina ħajja ġdida. Insemmi tnejn: l-Assedju l-Kbir u t-Tieni Gwerra Dinjija. Aħna nafu li fl-Assedju l-Kbir kien proprju fit-8 ta’ Settembru li rtiraw dawk li kienu qed jassedjaw lil Malta, tal-Imperu Ottoman, u għalhekk Malta ħelset minn din l-invażjoni. U kien ukoll b’rabta mat-8 ta’ Settembru, fit-Tieni Gwerra Dinjija, li l-Italja rtiraw, u għalhekk dan fisser li se tispiċċa l-gwerra u Malta setgħet teħles mill-bumbardamenti u tbatijiet kbar li batew l-antenati tagħna.

U l-Maltin dejjem raw il-viċinanza ta’ Marija bħala Ommna, proprju b’rabta ma’ dan il-jum. Għalhekk aħna nsejħulu wkoll Jum il-Vitorja. Mhux biss il-jum tat-twelid ta’ Marija, imma wkoll Jum il-Vitorja.

Il-protezzjoni tal-ħajja tal-Maltin

Hemm, fil-fatt, rabta importanti ħafna bejn dak li niċċelebraw fit-Twelid ta’ Marija u fil-Vitorja. U r-rabta kbira hija proprju meta nagħrfu l-importanza tal-protezzjoni tal-ħajja. Fit-twelid ta’ Marija aħna niċċelebraw il-ħajja – ħajja ġdida. Aħna nafu li l-ħajja ta’ Marija ma bdietx mat-twelid. Bdiet mat-tnissil, li niċċelebraw fit-8 ta’ Diċembru, fil-Kunċizzjoni. U għalhekk mill-Kunċizzjoni sal-lum hemm disa’ xhur – mit-tnissil sat-twelid. U nafu wkoll li b’rabta ma’ din il-festa tal-lum, kif smajna fl-Evanġelju, hemm kontinwament l-enfasi fuq il-ħajja – dawk in-nies kollha li smajna isimhom, u kontinwament “it-tnissil”, bħalma hemm ukoll “it-tnissil ta’ Ġesù Kristu” (Mt 1:18) fl-Evanġelju tal-lum. Għalhekk fit-twelid aħna niċċelebraw il-ħajja.

U x’sar f’Jum il-Vitorja? Hi l-Vitorja għax fissret il-protezzjoni tal-ħajja tal-Maltin, speċjalment f’mumenti importanti tal-Istorja, biex il-Maltin jistgħu jgħixu, u biex il-ħajja tagħhom tkun protetta – dak li sar fl-Assedju, dak li sar ukoll fit-Tieni Gwera Dinjija, meta ta’ qabilna ħadmu biex jipproteġu lil Malta u l-ħajja tal-Maltin.

Għalhekk l-ikbar mod kif aħna niċċelebraw festa bħal din hu billi aħna jkollna impenn sħiħ biex ngħożżu l-ħajja, nipproteġu l-ħajja. Meta ngħidu hekk, nafu li mhix sempliċiment xi ħaġa ta’ diskors imma ta’ fatti – ta’ għażliet li rridu nagħmlu kuljum fil-ħajja tagħna.

Mill-bidu sat-tmiem

Aħna nafu kemm hu importanti li aħna nipproteġu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, fejn diġà hemm ħajja umana. Kultant tisma’ min, anke llum, jitkellem fuq “ftit ċelloli” li ma jiswew xejn. Aħna nafu li f’dawk iċ-ċelloli hemm ħajja umana ġdida. Nafu li aħna għandna nipproteġu l-ħajja umana mhux ftit wara li tibda, jew f’xi mument wara, imma minn meta tibda. U sat-tmiem tagħha, sat-tmiem naturali tagħha – dik il-protezzjoni sabiħa tal-ħajja tal-bniedem li aħna għandu jkollna f’qalbna, li l-ħajja tiswa, hi ta’ min hi, anke ta’ min qed ibati. Jiena naf li permezz tat-TV u l-media soċjali, isegwu din il-quddiesa diversi nies li għaddejjin minn tbatija, kemm Malta kif ukoll barra minn Malta, li huma morda, li qegħdin l-isptar, jew li qegħdin f’mument kritiku fis-saħħa tagħhom. Li rridu nwasslu hu: il-ħajja tiegħek tiswa, għandha valur, għandha valur sal-aħħar u aħna rridu nipproteġu l-ħajja sal-aħħar.

F’kull waqt tagħha

Imma wkoll, mhux biss il-bidu u t-tmiem, imma f’kull waqt tagħha. Għalhekk l-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna għandhom ikunu tassew li jipproteġu l-ħajja. Qed ngħid, pereżempju, bil-mod kif insuqu, bil-mod kif nieħdu ħsieb l-ambjent – għax il-ħolqien hekk ifisser: il-ħajja tal-bniedem – billi nwarrbu dak kollu li jfixkel il-ħajja, bħalma hi d-droga li hi l-qerda tal-ħajja ta’ żgħażagħ, ta’ kbar, ta’ familji, u tfisser qerda fis-soċjetà. Hemm tant għażliet li rridu nagħmlu fil-ħajja tagħna, bħal li nieħdu ħsieb il-ħajja tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol.

Jekk naħsbu ftit, dak li għandu jiggwidana għandu jkun dejjem: il-protezzjoni tal-ħajja. Żgur li fil-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija, meta niċċelebraw din il-ħajja ġdida li tant fissret ġid, hu dan l-impenn li għandna nieħdu li tant jgħinna fil-ħajja tagħna personali u fis-soċjetà Maltija.

Il-valuri li tgħallimna Marija

Marija, imbagħad, tfakkarna mhux biss kif nipproteġu l-ħajja imma wkoll kif ngħixuha. Kemm hu sabiħ meta nħarsu lejha, lejn Marija, u naraw ir-rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda, tal-umiltà fuq il-kburija, tal-grazzja fuq id-dnub, tal-qadi fuq l-egoiżmu! Kemm hu sabiħ meta nħarsu lejha, u nieħdu dawn l-eżempji sbieħ għall-ħajja tagħna, fejn nagħrfu li r-rebħa vera tal-ħajja tagħna mhix meta aħna nintelqu mal-kurrent jew infittxu lilna nfusna, imma meta nagħżlu dak li hu tajjeb, ir-rebħa tas-sewwa, tat-tajjeb fuq il-ħażin. Kull meta aħna nagħmlu din l-għażla, qed nagħmlu l-għażla li għamlet Marija fil-ħajja tagħha, qed nagħmlu l-għażla li tassew iġibilna f’qalbna l-paċi u l-ferħ.

Nixtieq illum li nitolbu għalina lkoll. Nitolbu għall-familji tagħna, speċjalment għal dawk li għaddejjin minn tbatija. Nitolbu wkoll għal pajjiżna, f’dan il-Jum Nazzjonali li hu hekk importanti. Nitolbu biex aħna nagħrfu f’Marija dik li tagħtina l-identità tagħna bħala Maltin – il-valuri sbieħ li jiffurmaw l-identità tagħna bħala Maltin. Speċjalment, li nagħrfu tit-twelid ta’ Marija llum nimpenjaw ruħna tassew biex ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju