Matul ix‑xahar ta’ Marzu, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta xxandar il‑quddiesa kuljum fid‑9:30am fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta. Mit‑Tnejn sas‑Sibt tixxandar it‑talba tar‑rużarju fuq Knisja.mt, Newsbook Malta, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Kull nhar ta’ Ħadd, il‑quddiesa tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta, l‑istazzjon tar‑radju RTK 103, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

L‑Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet f’dawn il‑ġranet:

Is‑Sibt 1 ta’ Marzu fis‑6:30pm, l‑Arċisqof jiddedika l‑Knisja Parrokkjali Marija Immakulata Omm il‑Knisjaf’Tal‑Ibraġ waqt quddiesa li fiha jikkonsagra l-artal u l-knisja.

Il‑Ħadd 2 ta’ Marzu fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.

It‑Tlieta 4 ta’ Marzu fis‑6pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fl‑anniversarju tal‑mewt tal‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil‑Katridal ta’ San Pawl fl‑Imdina.

L‑Erbgħa 5 ta’ Marzu fid‑9:30am, l-Erbgħa tal-Irmied, l‑Arċisqof se jibda ż-żmien tar-Randan Imqaddes b’quddiesa bir‑rit tat‑tberik u t‑tqegħid tal‑irmied fil‑Knisja tas‑Salib Imqaddes fil‑Furjana. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103. Fis‑6pm imexxi pellegrinaġġ penitenzjali mill‑Knisja tal‑Konverżjoni ta’ San Pawl Ħal Safi sal‑Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina fiż‑Żurrieq. Wara jmexxi quddiesa li fiha jsir it-tberik u t-tqegħid tal-irmied.

Il‑Ħadd 9 ta’ Marzu fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra l‑quddiesa fl‑ewwel Ħadd tar‑Randan bir‑rit tal‑għażla tal-katekumeni li se jirċievu s-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija fil-Vġili tal-Għid. Il-quddiesa se ssir fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija f’Ħ’Attard u tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103. Fil-4:45pm, l‑Arċisqof imexxi pellegrinaġġ penitenzjali djoċesan tal‑Ġublew f’Ħadd in‑Nies. Fis‑6pm l-Arċisqof imexxi quddiesa fis‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Grazzja f’Ħaż‑Żabbar.

Il‑Ġimgħa 14 ta’ Marzu fl‑10am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja Konventwali ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika fil‑Belt Valletta.

Il‑Ħadd 16 ta’ Marzu fid‑9:30am, il‑Ġublew tal‑Ħabsin, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fit‑tieni Ħadd tar‑Randan fil‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Raħal Ġdid. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.

L‑Erbgħa 19 ta’ Marzu fis‑6pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑solennità ta’ San Ġużepp fil‑Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fl‑Imsida.

Il‑Ħadd 23 ta’ Marzu fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fit‑tielet Ħadd tar‑Randan fil‑Knisja Arċipretali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.

Il‑Ġimgħa 28 ta’ Marzu fis‑6pm, l‑Arċisqof imexxi pellegrinaġġ bl-istatwa tar-Redentur bit-tema: It‑Tama fit‑Tbatija matul it-toroq tal‑Isla. Wara jiċċelebra quddiesa fil‑Bażilika ta’ Marija Bambina.

Il‑Ħadd 30 ta’ Marzu fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fir‑raba’ Ħadd tar‑Randan fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.