Fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-Tama u l-bidu tar-Randan Imqaddes, se jinġieb f’Għawdex il-Kurċifiss Mirakoluż u devot magħruf bħala “Ta’ Ġieżu”, meqjum fil-Knisja Franġiskana ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fil-Belt Valletta.
Bejn il-Ġimgħa s-7 u l-Ħadd 9 ta’ Marzu, il-Kurċifiss Ta’ Ġieżu se jkun espost għall-qima fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem, fejn fl-ewwel lejl, il-knisja tibqa’ miftuħa għall- adorazzjoni u l-qima tal-fidili.
Nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu, l-ewwel Ħadd tar-Randan, fl-4pm, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma se jmexxi Pellegrinaġġ Penitenzjali Ġubilari bix-xbieha tal-Kurċifiss Mirakoluż, mill-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova għal quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem, li għalih hu mistieden il-poplu kollu ta’ Alla.
Ix-xbieha, maħduma fis-seklu 17, hi attribwita lill-artist Sqalli Frate Innocenzo di Petralia, u tieħu ħsiebha l-Arċikonfraternità tal-Kurċifiss imwaqqfa fl-istess knisja. Hija meqjusa bħala waħda mill-aktar xbihat meqjuma tas-Santissmu Kurċifiss li nsibu fil-gżejjer tagħna u tgawdi devozzjoni qawwija mill-poplu Malti u Għawdxi.
Fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Spes non confundit, il-Papa Franġisku fakkarna li “t-tama titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba li tgelgel mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is- salib” (n. 3).
Din mhijiex l-ewwel darba li l-Kurċifiss Ta’ Ġieżu qed jinġab fil-gżira ta’ Għawdex. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-Kurċifiss kien inġieb mill-Belt Valletta fl-istess Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għawdex biex jiġi mħares minn kull periklu tal-ibbumbardjar, fejn dam minn Mejju 1941 sa Marzu 1944. Din kienet l-ewwel u l-unika darba li nħareġ mill-Knisja tal-Belt, fejn kien ilu għall-qima sa mill-1648.
Iż-żjara tal-Kurċifiss Mirakoluż f’Għawdex, fil-bidu tar-Randan imqaddes, għandha tkun stedina lill-Insara biex jerġgħu jdawru ħarsithom lejn is-sinjal il- kbir tat-tama tagħna li fih tidher l-imħabba kollha ta’ Alla għalina l-bnedmin: Kristu Msallab.
Id-Djoċesi ta’ Għawdex qalet li aktar ‘il quddiem għandu jitħabbar programm sħiħ taż-żjara u l-pellegrinaġġ.
Source: Newsbook.com.mt