L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dan Ġesù għandu fih lil Begħelżebul” (Mk 3:22). Din hija l-akkuża li għamlu l-kittieba lil Ġesù – qalu li għandu fih xitan – mhux biss, imma li qiegħed ikeċċi x-xjaten “bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten” (Mk 3:22). Hija akkuża serja ħafna, iktar u iktar meta nafu min hu Ġesù.
Li tgħid li hu qed ikeċċi lix-xitan bis-saħħa tax-xitan, qed tgħid proprju l-agħar li tista’ tgħid fuq Ġesù. Hawnhekk, dawn il-kittieba għamlu din l-akkuża, u r-risposta ta’ Ġesù kienet li jispjegalhom kemm kienet assurda din li qed jgħidu. Jgħidilhom li “jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa” (Mk 3:24) Mela kif jista’ x-xitan ikeċċi x-xitan? Ma hemmx din id-diviżjoni f’din is-saltna. Ix-xitan veru joħloq diviżjoni, imma mhux miegħu nnifsu, joħloq diviżjoni fil-qalb ta’ dawk li jridu jimxu wara Ġesù. U min din irridu noqogħdu attenti aħna – id-diviżjoni li joħloq kultant fina. Kultant anke fl-istess komunitajiet Insara, fejn bejn wieħed u ieħor l-affarijiet ikunu mexjin tajbin, imbagħad f’daqqa waħda qisu jdaħħal denbu x-xitan u joħloq diviżjoni bejn persuna u oħra, bejn grupp u ieħor. Dak hu x-xogħol tax-xitan. Mhux miegħu nnifsu, imma joħloq diviżjoni fi ħdan l-istess komunita Nisranija. Minn din aħna għandna noqogħdu attenti.
Hawn Ġesù jispjega kif ma jagħmilx sens li jgħidu li hu qed ikeċċi lix-xitan bis-saħħa tax-xitan. Imma li jurik dan kollu hu kif dawn il-kittieba ma kinux kapaċi jagħrfu s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla. Jekk inti tara l-mirakli li kien qed jagħmel Ġesù – li huma kienu qed jaraw – u tara lil Ġesù jkeċċi fil-fatt ix-xitan minn persuni, u tara din il-preżenza qawwija ta’ Alla li jaħdem f’tant bnedmin, kif ma tirrealizzax li hemm xi ħaġa speċjali? Kif trid twarrab dan, qishom iridu jgħattu għajnejhom biex ma jarawx, widnejhom biex ma jisimgħux, li ma jmorrux jemmnu f’Ġesù?
Ir-raġuni għal dan hi proprju li huma kellhom f’qalbhom dan il-preġudizzju u l-għira kontra Ġesù. Għax rawh jagħmel tant affarijiet tajbin, kienu jgħiru għalih. Imma wkoll għax huma kienu ppreġudikati, u dan il-preġudizzju hekk jagħmillek – bħal għamad quddiem għajnejk, ma tistax tara ċar. Hekk kellhom dawn, u għalhekk dak it-tajjeb kollu li kien jagħmel Ġesù għalihom kien mitluf.
Imbagħad Ġesù jgħid ħaġa oħra f’din is-silta, li hi tant importanti: “min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu, ma jkollu qatt maħfra” (Mk 3:29). X’ifisser dan il-kliem? Ġesù jispjega kif id-dnubiet li aħna nagħmlu, jekk aħna veru jiddispjaċina tagħhom u nitolbu maħfra, Alla dejjem jaħfrilna. Alla hu kollu ħniena magħna. Hi ħaġa li l-Papa Franġisku jenfasizza ħafna: Alla dejjem jaħfrilna, aħna li kultant ma naħfrux lilna nfusna, jew li nibqgħu mwaħħlin u ma nitolbux maħfra lil Alla. Imma meta jgħid li min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra, Ġesù qed jgħid li jekk inti tieqaf lill-Ispirtu s-Santu jiġifieri int imblukkajt l-imħabba, il-maħfra, il-ħniena li jiġu mingħand Alla. Għalhekk ma jista’ jkollok qatt maħfra, għax int imblukkajtha. Din tfisser: tieqaf lill-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu Qaddis – ma tħallihx jidħol fik, timblukkah, għalhekk ma jista’ jkollok qatt maħfra.
Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna nagħrfuh tassew bħala Ġesù li jsalvana, li jagħtina din il-ħajja ġdida, li jimliena bl-imħabba tiegħu; u nitolbuh biex qalbna ma tkun qatt qalb iebsa jew li timblukkah, imma qalb miftuħa għalih, biex lilna jagħtina l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra għal ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta