L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar” (Lq 17:2). Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa, meta qed jitkellem fuq min jagħti skandlu. Hu juża dan il-kliem kulurit biex jagħti dan il-messaġġ qawwi. Ġebla ta’ tħin hi ġebla kbira b’toqba fin-nofs. Jekk inti tagħmilha ma’ għonq xi ħadd u titfgħu l-baħar, hu ovvju li dan mhux se jibqa’ fil-wiċċ, imma se jinżel fil-qiegħ tal-baħar, se jisparixxi.

Għalhekk Ġesù qed jgħid: ikun aħjar jekk bniedem jisparixxi, milli jagħti skandlu lil “wieħed minn dawn iċ-ċkejknin” (Lq 17:2). X’ifisser “jagħti skandlu”? Skandlu hi kelma ġejja mill-Grieg li tfisser ġebla li tfixklek fit-triq u, għax titfixkel, taqa’. Dan hu l-iskandlu: meta jkun hemm tfixkil lil xi ħadd u, minħabba f’hekk, ma jibqax fit-triq it-tajba. Għalhekk Ġesù qed jgħidilna li rridu noqogħdu attenti, fil-ħajja tagħna, li aħna ma nkunux ta’ tfixkil għall-oħrajn – li nfixkluhom fil-ħajja tagħhom ta’ fidi, li nfixkluhom billi minħabba fina ma jagħżlux dak li hu sewwa, imma jagħżlu l-ħażin. Irridu noqogħdu attenti. Hawn Ġesù jsemmi, speċjalment, “dawn iċ-ċkejknin”. Qed jgħid għat-tfal; qed jgħid ukoll għal kull min hu vulnerabbli li, minħabba f’hekk, inkunu qegħdin infixklu l-ħajja tagħhom u nirrovinaw il-ħajja tagħhom.

Irridu noqogħdu ħafna attenti mill-iskandlu. Tinduna, speċjalment, bil-ħsara ta’ skandlu meta qisu ssir xi ħaġa normali. Hemm tinduna bil-ħsara li jagħmel lin-nies u lis-soċjetà, meta jiġi qisu xejn mhu xejn, kważi kważi tibda tiskanta b’dak li hu tajjeb flok b’dak li hu ħażin. Hemm fejn l-iskandlu jkun qed jagħmel ħsara lill-bniedem u lis-soċjetà: meta taċċetta l-ħażin bħala xi ħaġa normali, qisu l-mod ta’ kif tgħix.

Ġesù jgħid ħaġa oħra fl-Evanġelju, meta jitkellem fuq il-maħfra. L-ewwel jgħid: “jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, widdbu” (Lq 17:3). Mela qed jgħid li hi importanti l-korrezzjoni fraterna, magħmula b’imħabba. Mhux tgħid: ħallih, jagħmel hu, u ddawwar wiċċek in-naħa l-oħra u agħlaq għajnejk biex ma tarax! Jekk tara l-ħażin, importanti li tgħin lill-persuna biex ma tibqax fil-ħażin. Imbagħad jitkellem ukoll fuq il-maħfra, u jgħid: jekk ħuk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jitolbok maħfra, aħfirlu” (ara Lq 17:4). Meta jgħid “seba’ darbiet” jiġifieri li aħna għandna naħfru dejjem. X’jiġifieri taħfer? Kultant ikun hemm min ma jifhimhiex. Taħfer ma tfissirx li ma tħossx. Jekk xi ħadd għamillek azzjoni ħażina, tħoss, u kultant tibqa’ tħoss, u jekk tiġik il-memorja ta’ dak li għamillek, tibqa’ tħoss, anke jekk tarah għaddej fit-triq. Ma jfissirx li ma ħfirtx, għax il-maħfra hija deċiżjoni: li tagħżel li taħfer. Kultant minkejja dak li tħoss, int tagħżel li taħfer – jiġifieri li tagħmel il-ġid lil min jagħmillek id-deni, li titlob għal min jagħmillek id-deni, li ma tridx ħsara lil min jagħmillek id-deni. Imma din hi għażla, mhux għax tħoss u ma tħossx. Kultant tibqa’ tħoss, imma minkejja dak li tħoss, qed tagħżel li taħfer.

Imma l-maħfra ma tfissirx li int tħalli għaddej dak li hu ħażin, l-abbuż, l-inġustizzji – ma tfissirx hekk! Għalhekk irridu norbtu dan ma’ li qed jgħid Ġesù fuq l-iskandlu. Il-maħfra ma tfissirx li int taċċetta dak li hu ħażin qisu ma sarx, u tħalli l-abbuż jibqa’ għaddej. Ħa nsemmi eżempju: il-vittmi ta’ vjolenza domestika. Li taħfer ma jfissirx li inti tibqa’ f’dik is-sitwazzjoni ta’ abbuż, tibqa’ vittma, tibqa’ tissawwat. Int għandek tagħmel minn kollox, tieħu l-passi neċessarji biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż, u tfittex l-għajnuna biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż. Il-maħfra tfisser li int ma tridx id-deni lil min għamillek id-deni, imma li int tieħu l-passi u ma tħallihx jagħmel l-abbuż. Hemmhekk int qed tagħmel dan għax tixtieqlu l-ġid, lilu wkoll, biex ma jkomplix jagħmel lil ħaddieħor vittma. Din hi l-maħfra li għallimna Ġesù.

Hawnhekk, fl-Evanġelju, id-dixxipli jagħmlu talba oħra, meta lil Ġesù jgħidulu: “Kattar fina l-fidi!” (Lq 17:5) Kemm hija talba sabiħa din! Kemm hi talba li għandna nirrepetuha ta’ spiss f’ħajjitna! Il-fidi tfisser li aħna nintelqu b’fiduċja fil-kelma ta’ Alla, nemmnu li hu jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, li hu jaf l-aħjar. Din hi l-fidi. Mhux għax ma jkunx hemm kultant mumenti oskuri, mumenti ta’ dlam! Imma nagħmluha din it-talba: Mulej, kattar fina l-fidi, ħalli aħna nintelqu f’idejh b’fiduċja bla tarf, għax int tħobbna u dejjem tagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Nitolbu lill-Mulej illum biex ikattar fina l-fidi, biex jgħinna ħalli qatt ma nkunu ta’ tfixkil, ta’ skandlu, għal ħaddieħor; u biex jagħtina spirtu ta’ mħabba, ta’ kompassjoni ta’ maħfra, kif għallimna hu u kif uriena hu fil-ħajja tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta