L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt!” (Lq 13:14). Din hija d-dikjarazzjoni li għamel il-kap tas-Sinagoga, u skont l-Evanġelju, għamilha “b’saħna fuqu”. Ir-raġuni kienet illi Ġesù kien għadu kif fejjaq mara li kienet ilha tmintax-il sena sħaħ marida u, minħabba l-mard tagħha, kienet ukoll milwija ħafna, lanqas kienet tista’ toqgħod dritta.
X’naraw fl-attitudni ta’ Ġesù, mbagħad min-naħa l-oħra, tal-kap tas-Sinagoga? Ġesù, hawnhekk, kien qiegħed jgħallem fis-Sinagoga; u meta ra lil din il-mara, sejħilha. Lanqas ma staqsiet hi, jew marret fuqu hi, biex ifejjaqha; imma kien Ġesù nnifsu li sejħilha, li mbagħad ħelisha mill-mard tagħha, qiegħed idejh fuqha, u hi reġgħet ħadet saħħitha mill-ġdid. Għal Ġesù, din il-mara, kienet importanti, il-ħajja tagħha kienet ta’ valur kbir. U għalhekk, l-ewwel ħaġa li għamel hija li lilha fejjaqha, u waslilha dan il-ħelsien fil-ħajja tagħha.
Il-kap tas-Sinagoga, min-naħa l-oħra, kien b’saħna fuqu, imma mhux għaliex fieqet din il-mara. Ma kellu xejn kontra l-fejqan tal-mara; imma għaliex il-fejqan sar f’Jum is-Sibt. Għax għalih, u għal sħabu, is-Sibt kien jum sagru, jum iddedikat lil Alla, jum, għalhekk, li fih ma taħdimx biex tirriservah lil Alla. Dan kien illi rrabbjah, bħalma naraw anke f’ċirkustanzi oħra fil-ħajja ta’ Ġesù, meta jirrabbjahom lill-kapijiet għaliex ifejjaq f’Jum is-Sibt.
X’kien nesa dan il-kap tas-Sinagoga? Kien nesa l-iskop prinċipali ta’ din il-liġi ta’ Jum is-Sibt. Għaliex huwa veru li Jum is-Sibt huwa Jum il-Mulej, huwa jum riservat lilu. Imma Jum il-Mulej huwa jum li aħna fih niftakru fl-imħabba, fil-kura kbira tal-Mulej għalina. U għalhekk, li wieħed ifejjaq f’Jum is-Sibt, u li mara tfiq mill-mard tagħha, dak mhuwiex ix-xogħol li ma għandux isir f’Jum il-Mulej; imma anzi, huwa xogħol li għandu jsir f’Jum il-Mulej. Għaliex x’hemm isbaħ milli persuna terġa’ tieħu saħħitha? U għalhekk, permezz ta’ hekk, jintwera l-kobor ta’ Alla, kemm Alla huwa kbir, kemm Alla hu dak li jrid jagħti lill-bniedem il-ħelsien, u jagħtih ukoll il-fejqan sħiħ. Dan hu li tilef il-kap tas-Sinagoga: is-sinjifikat proprju ta’ Jum is-Sibt. Weħel mal-liġi, imma l-iskop tal-liġi għalih ma kienx daqshekk ċar f’moħħu u f’qalbu.
X’inhu l-messaġġ anke għalina f’dan l-Evanġelju? Dan jurina li Alla lilna jrid iwasslilna l-imħabba tiegħu. Li għalih, aħna lkoll, kull wieħed u kull waħda minna, importanti; u speċjalment min għaddej minn tbatija. Jurina illi li tagħmel il-ġid jagħti glorja lil Alla. Il-ġid m’hemmx ġranet li fih tagħmlu, u ġranet li fih ma tagħmlux. Jurina li l-fejqan huwa ta’ ġid għall-bniedem u ta’ glorja lil Alla. U m’hemmx xi ħaġa isbaħ milli tiċċelebra Jum il-Mulej billi bniedem jerġa’ jieħu saħħtu mill-ġdid. Għalhekk, li aħna nagħrfu li għandna niċċelebraw Jum il-Mulej, li fih niftakru speċjalment f’din l-imħabba u l-kura tal-Mulej, u niċċelebrawh billi nagħmlu l-ġid; billi nwasslu din l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn. Huwa permezz ta’ hekk li verament inkunu qegħdin nagħtu glorja lil Alla u t-tifħir li jistħoqqlu.
Ispirati minn dan l-Evanġelju llum, ejjew nitolbu li aħna dejjem ikollna, bħal Ġesù f’qalbna, lil dawk li huma fil-bżonn, dawk li għaddejjin mit-tbatija; u nfittxu li nwasslulhom l-imħabba ta’ Alla, li tagħmel differenza hekk kbira fil-ħajja tagħhom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta