L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha” (Ġw 19:26). Il-ħarsa ta’ Ġesù lejn ommu minn fuq is-salib hi ħarsa ta’ mħabba; bħalma hi ħarsa ta’ mħabba lejn id-dixxiplu, li l-Evanġelista stess jgħid: “lid-dixxiplu li kien iħobb” (Ġw 19:26). Ejjew nirrealizzaw li f’dan il-mument ta’ agonija, ta’ diffikultà u ta’ tbatija enormi, din hi l-magħmudija li Ġesù xtaq li l-Missier jevitalu. “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22:42). Dan il-mument ta’ dulur f’dan il-baħar ta’ dulur u tbatija, il-Mulej jibqa’ jitfa’ ħarsa ta’ mħabba fuq min qatlu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Ħarsa ta’ mħabba fuq il-ħalliel li jitolbu li jmur miegħu l-ġenna: “Tassew, ngħidlek, illum tkun fil-ġenna miegħi” (Lq 23:43). Ħarsa ta’ mħabba lejn ommu u lejn id-dixxiplu li kien iħobb.

Għażiż kappillan, jiena nawguralek li l-ħarsa tiegħek tkun dejjem il-ħarsa ta’ Ġesù: ħarsa ta’ mħabba. Għax il-ħarsa tiegħu lejk inti u tingħaqad ma’ ommu, hi wkoll il-ħarsa lejn id-dixxiplu li jħobb. Din is-sena ddedikata b’mod speċjali lit-transitu, il-mewt qaddisa ta’ San Duminku, itlob lil San Duminku jagħtik u jaqlagħlek il-grazzja li inti tkun dejjem ħdejn omm Ġesù bħala dixxiplu li Ġesù jħobb. Hekk, il-Mulej ikun jista’ jafdalek mhux biss lil ommu imma wkoll lill-poplu afdat f’idejk. Għax fil-qalba ta’ dan il-misteru kbir tal-għażla tiegħek bħala kappillan mill-provinċjal, u bid-deċiżjoni tiegħi li nilqa’ din il-proposta biex inti tkun ir-ragħaj ta’ din il-komunità, hemm mhux biss il-ħarsa tal-imħabba ta’ Ġesù lejk imma hemm ukoll stedina biex din il-ħarsa inti titfagħha fuq kull membru tal-komunità. Hi ħarsa li tfejjaq; hi ħarsa li l-ħajja tiegħek tfakkarna li Ġesù, Alla li jsalva, hu wkoll Għimmanu-el, Alla magħna.

Il-preżenza tiegħek fit-toroq ta’ Gwardamanġa, fid-djar tal-parroċċa tiegħek u fost il-poplu tiegħek trid tkun sinjal li Alla hu magħna. Alla hu magħna permezz tal-ħniena tiegħu, permezz tal-Kelma tiegħu u permezz tas-sagramenti li huma laqgħa speċjali ma’ Ġesù msallab u rxuxtat.

Aħna llum nawgurawlek u nitolbu għalik, u nitlob ukoll li inti, f’għaqda mal-komunità tas-sħabek il-patrijiet, għax kulħadd bid-doni u bis-salib tiegħu, inti jkollok sapport, faraġ u eżempju. Qrib tiegħek għandek ambjent ta’ tbatija, li hu l-isptar, li hu post ta’ reġenerazzjoni, post ta’ rijabilitazzjoni. Din hi wkoll parti mit-territorju ta’ din il-parroċċa. Għandek ukoll ix-xandir nazzjonali. Għandek responsabilitajiet kbar, Patri Joe.

Nawguralek li l-ħarsa tiegħek tkun dejjem il-ħarsa ta’ Ġesù: ħarsa ta’ mħabba. Għax il-ħarsa tiegħu lejk inti u tingħaqad ma’ ommu, hi wkoll il-ħarsa lejn id-dixxiplu li jħobb.

Jalla minn hawnhekk u mit-toroq ta’ din il-parroċċa tħabbar is-saltna ta’ Alla, tistieden għall-indiema, u fl-istess ħin tkun dejjem aħbar tajba; tkun Evanġelju kull fejn tkun. “Ġej il-kappillan”. Anke fil-mumenti ta’ niket ġej il-faraġ; fil-mumenti ta’ ferħ, ġej Ġesù jaqsam magħna l-ferħ. Kun kollox għal kulħadd, u ftakar li l-kbir San Duminku kien jifraħ fuq il-mejda mal-aħwa.

Waqt li inti tieħu qawwa, nutriment u saħħa mill-mejda tal-komunità tal-patrijiet, stieden lill-komunità mal-mejda tal-Mulej, il-mejda tal-Kelma u tal-Ewkaristija. Taħt il-ħarsa ħelwa u meqjusa tal-Madonna taħt it-titlu sabiħ tal-Madanna ta’ Fatima, li tfakkarna fil-misteri tar-rużarju, inti ħossok mhux biss protett u mfarraġ, imma wkoll indukrat. U ommok, għażiż ħija, mis-sema titlob ukoll għalik.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 7: 10-14; 8: 10
Salm: 39
Qari II: Kor 2:1-5
Evanġelju: Ġw 19, 25-27

More Photos >>