• It-Tnejn 16 ta’ Mejju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna żar l-anzjani u l-ħaddiema tad-Dar tal-Anzjani Central Home, u ċċelebra Quddiesa magħhom. 

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

     
    Dar tal-Anzjani Central Home, l-Imsida
    16 ta’ Mejju 2016
    L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja ħafna lis-Sur Balzan ta’ din l-istedina biex jien inkun nista’ nżur lilkom, għeżież residenti, u anke niċċelebra magħkom il-Quddiesa, l-Ewkaristija.
    Għadna kemm smajna l-Evanġelju (Mk 9, 14-29) li qara’ Mons. Lawrence Gatt li fih insibu taqtiegħa kbira bejn Ġesù u l-ispirtu ħażin li hu jsejjaħlu “spirtu trux u mbikkem” (Mk 9, 25) li kien qiegħed iħabbat ħafna lil dan iż-żgħażugħ. Ġesù juża’ żewġ kelmiet li huma għeżież ħafna għalina u li jiena nissuġġerihom lilkom ukoll waqt li qegħdin tgħixu hawnhekk flimkien f’din ir-residenza.
    L-ewwel nett, il-fidi! Il-fidi hija don, imma tirrikjedi minna spirtu ta’ fiduċja fil-Mulej. It-talba sabiħa ta’ dak il-missier li qiegħed ibati għax jara’ lil ibnu jbati jgħidlu: “nemmen imma għinni fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi” (Mk 9, 24). L-ewwel don li nixtiequ nitolbu llum lill-Mulej huwa d-don tal-fidi biex fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, aħna naraw l-id tal-Mulej li ħafna drabi ma ngħarfuhiex, imma tistedinna biex nafdaw u nħobbu.
    It-tieni ħaġa li jsemmi l-Mulej Ġesù hija t-talb. Meta d-dixxipli jidħlu fid-dar u setgħu jitkellmu miegħu privatament, jgħidulu: “imma aħna kif ma stajniex?” (ara Mk 9, 28)  Hu jgħidilhom: “Dawn l-ispirti ma tistax toħroġhom jekk mhux bit-talb” (v. 29). Inti tista’ tgħidli: ‘jiena, sinjur, il-ġurnata kollha nitlob, ma baqagħli saħħa ta’ xejn’. Itolbu lill-Mulej, biex it-talb li toffri jkun ta’ veru ġid għall-Knisja. It-talb li toffri jagħti qawwa lil min għad għandu s-saħħa biex il-kelma tiegħu tagħmel il-ġid, biex l-eżempju tiegħu jkun eżempju tajjeb għax “ċerti xjaten ma nistgħux nirbħuhom jekk mhux bit-talb”. Inti taħseb li t-talb tiegħek ftit jiswa? It-talb tiegħek huwa l-qawwa tal-Knisja. Il-kelma ta’ saċerdot tagħmel effett fil-qlub minħabba t-talb tiegħek. Il-kelma tal-Isqof tagħmel effett fil-qlub minħabba t-talb tiegħek.
    Hekk ukoll inti, jista’ jkun għandek xi qraba li ilek ma tarahom għax għandhom ħafna x’jagħmlu, itlob għalihom. It-talb tiegħek jilħaq fejn ma jilħaqx it-telefon jew il-mobajl. Għaliex? Għaliex dan ix-xitan kien trux u mbikkem. Jiġifieri lil dan iż-żgħażugħ kien qed ifixklu fil-kapaċità tiegħu li jikkomunika, fil-kapaċità tiegħu li jisma’, fil-kapaċità tiegħu li jitkellem. Kemm nippruvaw infehmu lil xi ħadd u donnu trux għax ma jridx jisma’. Min hu l-ikbar trux? Min ma jridx jisma’, mhux min ma jismax, min ma jridx jisma’; dak l-ikbar trux jgħid il-Malti. Liema huwa l-iżjed wieħed imbikkem? Dak li ma jridx jitkellem, dak li ma jridtx jgħid ‘sorry’ jew jgħid ‘thank you’, jew inkella ma jridx jirrikonoxxi dak li għamel ħaddieħor miegħu.
    Ħafna drabi aħna ningħalqu fina nfusna, jew għax inkunu naqra bin-nervi, jew ma nkunux nifilħu. Kollox naraw żejjed, jiġi xi ħadd ikellimna naħtfuh għax inkunu rridu noqgħodu waħedna.
    Nitolbu lil Alla li bil-qawwa tat-talb tagħkom u tagħna, kull wieħed u waħda minna, il-Mulej jirbaħ dawn ir-reżistenzi biex nikkomunikaw ma’ xulxin, nitkellmu u nisimgħu lil xulxin. Dan ukoll ikun effett tat-talb. Ejjew mela nitolbu lill-Mulej, anke fejn ħafna drabi ma jkollna aptit ta’ xejn, biex il-Mulej jagħtina l-qawwa biex dawn il-ġranet ta’ ħajjitna, f’dan l-istaġun ta’ ħajjitna, ikun staġun sabiħ. Tgħiduli: ‘u issa!’ Aħna f’idejn il-Mulej, Hu jgħoddhom l-ġranet tagħna. Mela nieħdu paċenzja b’xulxin, il-carers jieħdu paċenzja bina wkoll, u jiena nixtieq f’isimkom lid-direzzjoni ta’ din ir-residenza, lill-carers, lil-istaff ngħidilhom: ‘grazzi, grazzi’ u nitlob biex dan l-ambjent ċkejken ikun ambjent mirqum, sabiħ, nadif fejn intom tħossukom tassew at home. Il-Mulej ibierek il-Home, it-talb u l-paċenzja tagħkom.
     
      Charles J. Scicluna                                                            
          Arċisqof ta’ Malta