L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Meta Ġesù jistaqsi lil Pietru għal tliet darbiet “Tħobbni int?”, bħalma rajna llum fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, f’moħħna mill-ewwel nassoċċjaw dawn it-tliet darbiet li Ġesù staqsa “Tħobbni?” mat-tliet ċaħdiet li għamel Pietru fil-passjoni ta’ Ġesù. Niftakru f’dak l-episodju, li jsemmuh l-evanġelisti kollha, meta Pietru kien fejn il-qaddejja tal-qassis il-kbir u hemmhekk, meta staqsewh, ċaħad li kien jaf lil Ġesù. Beża’ u ċaħad. Kienet esperjenza għalih ta’ kif ngħidu bil-Malti “min jittarraf, jiġġarraf”. Hemmhekk mar proprju f’ħalq il-lupu hemmhekk. Hu, li kien qal lil Ġesù: “Jekk kulħadd jitħawwad … jien ma nitħawwad qatt”, ma niċħdekx, ċaħad li kien jaf lil Ġesù.

Aħna nafu li ftit wara, kif il-ħarsa tiegħu ġiet mal-ħarsa ta’ Ġesù, Pietru għaraf l-iżball li għamel, nidem, u l-Evanġelju jgħid: “beka biki ta’ qsim il-qalb”.

Hawnhekk, issa, meta Ġesù jiltaqa’ mad-dixxipli tiegħu f’waħda mill-aħħar dehriet qabel jitla’ s-sema, jistaqsi għal tliet darbiet lil Pietru: “Tħobbni int?”. Aħna naraw ilal-ewwel ir-risposta ta’ Pietru “Inti taf li nħobbok”. Imma f’din il-ġrajja hawnhekk tolqotna qabel xejn l-imħabba u l-maħfra ta’ Ġesù. Għax Ġesù, meta jiltaqa’ ma’ Pietru, ma jaħtfux għall-iżball li kien għamel, ma jfakkarlux iċ-ċaħda tiegħu, imma għal tliet darbiet jistaqsih biex jgħinu jfiq mill-esperjenza kerha ta’ meta kien ċaħdu tliet darbiet. Għalhekk, anke meta l-Evanġelju jgħid li mat-tielet darba, Pietru “ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba”, din kienet esperjenza meħtieġa biex Pietru joħroġ minn dik il-ġrajja kerha meta kien ċaħad lil Ġesù u jagħtih din l-opportunità li jimlieh bl-imħabba tiegħu u jibda mill-ġdid. Qisha terapija għal Pietru.

Innutaw li Ġesù mhux biss jistaqsi, imma kull darba li Pietru jwieġeb, jgħidlu: “irgħa l-ħrief tiegħi” jew “irgħa n-ngħaġ tiegħi”. Jerġa’ jafdah. Jerġa’ jafdalu l-missjoni li jkun ragħaj tal-poplu tiegħu. Lilu li kien qal: “int, Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”, imbagħad hemmhekk jerġa’ jagħtih din il-missjoni. Ġesù jerġa’ jagħtih mill-ġdid il-possibbiltà li jqum fuq saqajh u jerġa’ b’entużjażmu jidħol għal din il-missjoni.

Mhux Alla ma jaħfrilniex … imma aħna kultant ma naħfrux lilna nfusna, u nibqgħu hemm fl-iżball.

Din hi ġrajja importanti anke għalina personali f’ħajjitna. Aħna wkoll imsejħin biex nilqgħu l-imħabba u l-maħfra ta’ Ġesù. U meta minħabba l-iżbalji li nagħmlu u minħabba d-dnubiet tagħna niċħduh, nilqgħu din il-maħfra tiegħu. Ġesù jaħfrilna, u mhux biss jaħfrilna imma jgħinna nfiqu mill-iżball tagħna, ma nibqgħux imwaħħlin hemm. Kultant jiġrilna: naħsbu li Alla ma jaħfrilniex. Mhux Alla ma jaħfrilniex, jekk nitolbuh bis-sinċerità tal-qalb, imma aħna kultant ma naħfrux lilna nfusna, u nibqgħu hemm fl-iżball. Alla jaħfrilna, mhux biss imma jagħtina l-possibbiltà li nibdew mill-ġdid u mid-dgħufija tagħna ngħaddu għal ħidma li tagħmel il-ġid lill-oħrajn. Bħalma għamel ma’ Pietru – li ħarġu mid-dgħufija tiegħu, mill-iżball, u għenu biex jiddedika ruħu f’ħidma għall-ġid tal-poplu.

Illum inġeddu l-imħabba tagħna lejn Alla. Ngħidulu l-istess kliem li qal Pietru: “Mulej, int taf li nħobbok.” Ngħiduha bis-sinċerità tal-qalb, u nitolbuh il-grazzja li fina wkoll iqiegħed l-imħabba sħiħa tiegħu. Jgħinna biex qatt ma nieqfu, neħlu, ma’ dak li nkunu għamilna ħażin, mal-iżbalji tagħna, imma bil-qawwa u l-maħfra tiegħu nħarsu ’l quddiem u nimxu dejjem fit-triq tal-imħabba tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju