L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Min jaf kemm-il darba lil Ġesù ngħidulu dak li qalulu l-Lhud: “Kemm se ddum taqlgħalna ruħna?” (Ġw10:24), għax jitlobna xi ħaġa u nħossuha tassew diffiċli. Aħna nafu li Ġesù hu l-Iben t’Alla. Ma naħsibx li għandna problema bl-identità tiegħu. Imma l-isfida li jagħmlilna hi li nkunu parti mill-merħla tiegħu.
“In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja” (Ġw 22:27). Ħa nibdew l-ewwel nett nirringrazzjaw lil Alla tal-inizjattiva li jieħu. Hu jsejħilna biex inkunu parti mill-merħla tiegħu meta jsemmgħalna leħnu. L-inizjattiva hi tiegħu. Jiena nisma’ l-leħen t’Alla għax hu jitkellem, u għalhekk nista’ nisma’ l-leħen tiegħu. Jiena liberu nisma’ u liberu ma nobdix. Imma li nisma’ leħnu hi xi ħaġa li qed jagħtini hu.
Hu jagħrafna. Ir-risposta tal-Mulej għall-iżgħar ħjiel tar-rieda tajba tagħna hi l-imħabba tiegħu. Hu li jidħol f’komunjoni magħna u jistedinna nidħlu f’komunjoni miegħu. Imma jitlobna li nimxu warajh. “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd” (Ġw 22:27-28).
Għeżież saċerdoti, aħna u nissejħu li nkunu ragħajja, ejjew ma ninsewx li aħna wkoll parti mill-merħla. Illum bl-ordinazzjoni saċerdotali, intom ragħajja, imma tibqgħu parti mill-merħla.
U din hi importanti li nibqgħu niftakruha, għax jekk aħna r-ragħajja ninsew li aħna parti mill-merħla ta’ Ġesù, ninsew nisimgħu leħnu, inħalluh jagħrafna, inħalluh iħobbna, li aħna nimxu warajh, li aħna tiegħu, li l-ħajja ta’ dejjem ġejja minnu u mhux minna jew mill-glorja fiergħa tagħna, u li aħna jkollna ċ-ċertezza li mhux se jħallina nintilfu, u li mhu se jħalli ’l ħadd jaħtafna minn taħt idejh.
Dik it-talba li aħna s-saċerdoti ngħidu qabel it-tqarbin “la tħallinix ninfired minnek”, jiena u ssejjaħli li nkun ragħaj, agħtini l-grazzja nibqa’ parti mill-merħla tiegħek, li tmantnini, li tieħu ħsiebi, li tindukrani. Ejjew nitolbu din il-grazzja bl-interċessjoni ta’ Marija li fil-liturġija b’mod poetiku tissejjaħ ukoll ‘dik il-ħarufa safja li nislet il-ħaruf bla tebgħa’. Kemm hu titlu sabiħ tal-Verġni Marija, dik il-ħarufa safja Immakulata li nislet il-Ħaruf bla tebgħa li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.
U niftakru dejjem li l-kelma li tiddistingwina hi dejjem f’relazzjoni ma’ Ġesù. “Kien f’Antjokja li d-dixxipli għall-ewwel darba sejħulhom ‘Kristjani’ (Atti 11:26).
Aħna l-Maltin rari nsejħu lilna nfusna ‘Kristjani’ għax aħna l-isem li nagħtu lilna nfusna ġej min-Nazaret – Nazzarin, l-Insara. Aħna parti tal-identità propju tar-raħal mitluf, infamanti li minnu ġie. Għaliex hu ma ssejjaħx Kristu fuq is-salib, imma ssejjaħ Nazzarenu fuq is-salib.
Infatti fl-Orjent biex tinsulta li xi ħadd Kristjan tgħidlu li hu Nazri, Nisrani. Aħna l-Maltin, dak li fl-Orjent hu insult, aħna għamilnieh titlu ta’ glorja. Ta’ min nirrifletti fuqha dil-ħaġa, li ma nsejħux lilna nfusna Kristjani, kif ġara f’Antjokja imma propju ta’ Nazaret, Nazzarin, l-Insara.
Ejjew f’dan il-munent, jiena nixtieq kull min qed jismagħna, il-poplu kollu tagħna nitolbu u nafdaw lis-saċcerdoti ġodda tagħna f’idejn il-ħarsien ta’ Marija.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 11:19-26
Salm: 86 (87):1-3,4-5,6-7
L-Evanġelju: Ġw 10:22-30