• ****

    Direttur: Simon Curtis

    Atturi: Helen Mirren, Ryan Reynold, Daniel Bruhl, Katie Holmes, Tatiana Maslany, Max Iron, Charles Dance u Elizabeth McGovern

    Ħin tal-Film: 109 min

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12

    F’numru ta’ flexbek matul il-film, Maria Altman terġa’ ġġedded il-memorja tal-wasla tal-forzi Nażisti ġewwa Vjenna, fl-Awstrija u dak kollu li ġara lill-Lhud li kienu jgħixu hemm fosthom hi u l-famija tagħha. Il-Lhud ġew mneżża mhux biss mill-proprjeta`  tagħhom, iżda wkoll umiljati u ħafna minnhom spiċċaw f’kampijiet ta’ konċentrament fejn mietu.  Maria kienet ixxurtjata li għalkemm ma kienx faċli, hi u żewġha Fritz, jaħarbu mill-Awstrija fil-waqt.  Sfortunatament Maria kellha tħalli warajjaha lill-ġenituri tagħha li spiċċaw mejta f’wieħed minn dawn il-kampijiet tal-mewt u qerda ta’ miljuni. Fil-preżent,  issa li hi mdaħħla fi żmien, wara l-funeral ta’ oħta fl-1998, issib li fost dak li ħalliet oħta wara mewta, numru ta’ ittri li jmorru lura għas-snin erbgħin. F’numru minnhom, oħta għamlet attentat biex takkwista mill-ġdid, erbgħa opri ta’arti li l-familja Altman kellha u li fil-fatt kellhom iħalluhom warajhom meta ħarbu. Dawn l-opri ta’ arti, xogħol il-famuż pittur Awstrijak Gustav Klimt, ġew misruqa minn-Nażisti. F’ittra partikolari, kien hemm  nota fuq il-pittura, magħrufa issa  ġewwa l-Awstrija, bħala “Woman in Gold”.  Maria tqabbad l-avukat Randol Schoenberg, li ftit li xejn kellu esperjenza  fuq restutuzzjoni ta’ arti misruqa matul il-gwerra biex jagħmel talba lill-gvern Awstrijak biex takkwista lura l-proprjeta` leġittima tagħha. Maria Altman ma tantx kellha x-xewqa li tmur lura l-Awstrija iżda bi ftit    persważjoni aċċettat Ii takkumpanja lil Randol. Il-Ministru tal-Arti u d-Direttur xejn ma kienu lesti li jagħtu lura lil Maria dak li għalihom kien ta’ valur kbir u li issa sar parti mill-identita’ tal-pajjiz.  X’sejrin jagħmlu Maria u Randol biex Maria tieħu   tabilħaqq  dawk l-opri ta’ arti kienu jgħajtu bi dritt lilha? Il-film jeħodna t-triq twila li l-avukat Randol kellu jterraq biex ir-restituzzjoni ta’ dawn l-opri t’arti jiġu lura f’idejn Maria.

    Film dramm, Brittaniku-Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ Simon Curtis u miktub minn Alexi Kaye Campbell, u msejjes fuq  storja vera ta’ mara Lhudia,  Maria Altman li mietet biss ftit snin ilu u l-avukat li kellha jiġġieled għaliha biex takkwista lura erba’ opri ta’ arti  tal-famuz pittur Guztav Klimt. Film interessanti ħafna li jżommok fuq ix-xwiek għal ħafna ħin. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.