
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Aħna s-saċerdoti, minkejja d-dgħufija u d-dnubiet tagħna, ġejna fdati f’dak li hu l-iżjed qaddis; il-ġawhra li l-Mulej jagħti lill-Knisja tiegħu. Il-Mulej, fl-Evanġelju tal-lum, iwiddibna biex l-affarijiet qaddisa nieħdu ħsiebhom u ma niddisprezzawhomx. Forsi nevitaw ukoll li jingħataw lil dawk li ma japprezzawhomx. Mhix kwistjoni li ma tagħtix dak li hu qaddis lil min mhux dehen; għax min hu dehen tal-affarijiet t’Alla? Ħadd minna mhu dehen. L-isqof stess il-Knisja tgħallmu jgħid quddiem il-komunità, li hu qaddej ta’ Alla mingħajr ma jistħoqqlu.
Ħa nieqfu fuq l-isqof; is-saċerdot m’hemmx għalfejn jgħidha dik il-kelma; imma lill-isqof il-Knisja tgħallmu jgħidha: ‘qaddej tiegħek mingħajr ma jistħoqqli’. Iżjed ma jgħaddi ż-żmien, aħna s-saċerdoti nindunaw, kemm il-Mulej, tefa’ fuqna ħarsa ta’ mħabba u ħniena. Mhux ta’ b’xejn li ż-żagħżugħ Jorge Bergoglio, fil-festa ta’ San Mattew fil-21 ta’ Settembru meta kien għadu żagħżugħ, sema’ l-kumment tal-Venerabbli Beda; li jgħid li waqt li Ġesù ħares, lejn Levi jew Mattew, waqt li għażlu, ħenn għalih. Nistgħu ngħidu li kull saċerdot, kull wieħed minna, iżjed ma jgħaddi żmien, iżjed jirrealizza u jikkonvinċi ruħu, li waqt li l-Mulej sejħilna, ħenn għalina. Aħna hekk inżommu, bil-ħniena tiegħu u bis-support kontinwu tagħna.
Il-Mulej ukoll jgħallimna nittrattaw lil xulxin kif nixtiequ li ħaddieħor jittratta lilna. Din ukoll hija kelma li tgħodd għalina s-saċerdoti. Kultant forsi nużaw xi kelma iebsa waqt xi prietka jew waqt xi qrara. Kemm hu tajjeb li dak il-ħin niftakru: inti sur isqof meta tqerr, kif tixtieq li jittrattak il-konfessur? Mhux jagħlaq għajnejh u widnejh. Allura mhux aħjar tagħmel hekk mal-proxxmu tiegħek ukoll, sur isqof. L-Arċiprieti, il-kappillani u s-saċerdoti, jinterpretaw huma xi rrid ngħid. Hekk ukoll meta nittrattaw man-nies. Aħna s-saċerdoti, lin-nies napprezzawhom meta jagħtuna s-sapport, il-fiduċja, kelma ta’ mogħdrija, meta kultant jagħlqu għajnejhom għal xi difett; aħna msejħin nagħmlu hekk ukoll mal-poplu ta’ Alla. Jien nixtieq, f’isem is-saċerdoti, nitlob maħfra, ta’ kemm-il darba aħna, ma nittrattawx lill-poplu, kif nixtiequ li l-poplu jittratta lilna. Imma nixtieq nirringrazzja wkoll lill-poplu ta’ Alla, ta’ kemm lil dawn is-saċerdoti, li llum qed jagħlqu 25 sena saċerdozju, ħa ħsiebhom, talab għalihom, ħa paċenzja bihom, għadirhom u ħabbhom.
Il-Mulej Ġesù, jitkellem fuq il-bieb id-dejjaq. Dan il-bieb id-dejjaq mhu popolari xejn. Ġesù stess jammetti li ħadd ma jagħżlu dan il-bieb. Jekk ikollok triq wiesa’ u triq dejqa, ngħid ngħaddi mit-triq il-wiesa’ għax iżjed komda. Hu jifhem li “ħafna huma li jgħaddu minnha” (Mt 7:13). Qisu b’għafsa ta’ qalb Ġesù jgħid: “wiesa’ l-bieb u spazjuża triq li tieħu għat-telfien” (Mt 7:13). Ma jgħidx eżattament xi tfisser. Imma jħallina b’domanda: xi tfisser dik it-triq il-wiesa’? U xi tfisser li inti tgħaddi mill-bieb id-dejjaq? Il-bieb id-dejjaq għandu d-dwejjaq tiegħu; imma mhux dejjaq li jwassal għat-telfien u d-disprament imma għall-ħajja. Huwa l-bieb id-dejjaq tas-salib. Issa Ġesù lanqas din id-domanda ma jirrispondi. Għax jgħid li ħafna jgħaddu mit-triq il-wiesa’ tat-telfien; allura aħna ngħidu, mela qed jgħid li ħafna jintilfu. Ma qalx hekk Ġesù. Hu qal wkoll: “u ftit huma li jsibuha” (Mt 7:14) din il-fetħa dejqa. Dan il-bieb dejjaq ftit isibuh.
Hawnhekk irridu nduru lejh u ngħidulu: meta jiena nagħżel li ngħaddi mit-triq il-wiesa’ tiddejjaqx tgħaddini mit-triq id-dejqa, għax wara kollox, hekk jagħmel Hu fil-ħniena tiegħu. Aħna nagħżlu t-triq il-wiesa’ għax ħafna jagħżluha; imma mbagħad, għax iridilna l-ġid, ma nifhmuhiex din il-ħaġa aħna. Mingħajr ma rridu, għax ma nagħżluhiex aħna, jgħaddina mill-bieb id-dejjaq tas-salib: tal-mard, tal-paċenzja. Għaliex? Għax huwa krudili? Le. Għax jaf li meta nġarrbu l-piż tal-ħajja, bħalma jrid jagħmel kulħadd u bħalma jagħmel kull saċerdot, għandna l-opportunità li nagħtu ħajjitna tassew. Min jaf kemm ġenituri, minħabba wliedhom, ikollhom jgħaddu mhux minn bieb wieħed dejjaq, imma minn ħafna swali sħaħ ta’ bibien dojjoq: il-paċenzja, l-infiq ta’ flus, tiċċaħad inti biex tara lil uliedek aħjar minnek, u tant sagrifiċċji. Aħna kultant l-ulied, ngħidu grazzi lil kulħadd, barra lill-ġenituri tagħna.
Illum f’isem dawn is-saċerdoti għeżież, li qed jagħlqu 25 sena, nixtieq ngħid grazzi lill-ġenituri tagħhom, kemm dawk li għadhom fl-art, u anke dawk li huma fis-sema. Grazzi ta’ kemm għaddejtu minn bibien dojjoq biex taraw lil uliedkom saċerdoti. Tant nies oħrajn li joffru ħajjithom għalina s-saċerdoti.
Illum qed infakkru qaddis kbir, wieħed minna huwa Ġiżwita. Dan Luigi Gonzaga, għandna l-istatwa tiegħu, biċ-ċoff ċelesti. Ma nafx jekk kellux ċoff ċelesti imma tagħna għandu ċ-ċoff ċelesti. Dan kien prinċep, it-tifel il-kbir tad-Duka ta’ Manduca. Kellu dritt jiret renju mhux żgħir, kien sinjur ħafna. Imma fil-qalb tiegħu, ħass din il-fjamma kbira, li jħalli kollox, u jagħżel il-bieb id-dejjaq li wrieh Ġesù. Kellu quddiemu t-triq il-wiesa’ tad-dinjità, l-unuri, ir-rikkezzi, il-kmand. Għalih kien kollox frugħa, u jagħżel li jkun ġiżwita.
Miet ta’ età żgħira. Miet jikkura l-vittmi tal-pesta, li ħakmet lil Ruma fi żmienu. Nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Luigi Gonzaga f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Tant qaddisin taw ħajjithom f’mumenti ta’ kriżi, f’mumenti ta’ pandemija, f’mumenti ta’ pesta. San Luigi Gonzaga miet iġorr il-vittmi tal-pesta ta’ żmienu.
F’ittra kommoventi li jikteb lil ommu, li aħna s-saċerdoti naqraw fil-liturġija tas-sigħat ta’ kull sena fil-festa tiegħu, jipprova jgħidilha: ‘Ikkonsla, ikkonsla, niltaqgħu fis-saltna fejn ma titteħidx, il-ġenna.’ Aħna s-saċerdoti nħarsu lejh u nitolbuh bit-talba tal-Knisja: ‘Agħtina li jekk ma xbahniehx fis-safa, nixbhuh fl-indiema’. Mhux għax ser napplikaw għall-indiema imma l-Mulej jieħu ħsieb Hu. Jibgħatlek biex tieħu paċenzja bħalma jieħdu paċenzja bina n-nies.
Alla jgħaddina hu mill-bieb tal-ubbidjenza. L-isqof mhux jien, nitlob xi ħaġa; u taf kif jarawni kultant. Xi kultant jgħidu: ‘Ara dan ħolom bija. Mhux aħjar ħallieni kwiet.’ Ikun il-bieb id-dejjaq li trid tgħaddi minnu, il-bieb tal-ubbidjenza.
Ejjew nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet. Il-vokazzjonijiet jiġu minn familji Nsara. Ejjew nifhmu bħala komunità, li meta nitolbu lil Alla d-don tal-vokazzjonijiet għas-saċerdozju, qegħdin nitolbuh li nkunu nistgħu nibqgħu nobdu l-kmand tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24). Kif se nagħmlu hekk? Irridu nirraġunaw naqra ma’ Ġesù. Inti għidtilna: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24); kif se nagħmlu aħna l-Insara jekk ma jkollniex is-saċerdoti? Għallimna u għinna nobdu l-kmand tiegħek. Dwar il-vokazzjonijiet hu qalilna biex nitolbu.
Jien illum, waqt li qed niċċelebraw is-saċerdozju ta’ dawn ħutna, u nirringrazzjaw lil Alla tal-ġid kollu li l-Mulej għamel permezz tagħna. Aħna ma nafux kif Alla jużana. Allura ħa nfakkar f’esperjenza sabiħa li tafuha lkoll, tal-patrun tal-kappillani, tal-Kurat Ars. Dak kien jitħabat ħafna bl-eżamijiet, bħalissa għaddejjin ħafna studenti li qed jagħmlu l-eżamijiet; taqtgħulhomx qalbhom. Ikollok tfal li ma jgħaddux mill-eżami, għidulhom erġa’ pprova; taqtgħulhomx qalbhom. Il-Kurat Ars kien jagħmel eżami u jeħel, jagħmel eżami ieħor u jeħel. Darba minnhom telagħlu lill-professur, u qallu: ‘Kemm inti ħmar ibni!’ U dan ta’ bniedem umli li kien, qallu: ‘U kemm qed tferraħni tgħidli hekk għax Alla b’xedaq ta’ ħmar f’idejn Sansun qered l-għedewwa tiegħu; ara x’se jagħmel bi ħmar sħiħ’. Kultant aħna s-saċerdoti tiġini xi siegħa tal-ħmar.
Nitolbu lil Alla, anke minkejja d-difetti tagħna, li għamel l-opra tiegħu, li jagħmel il-missjoni tiegħu fostna, permezz tagħna s-saċerdoti. Jien nitlobhielu ħafna lil Ġesù: Tħallinix infixklek, almenu jekk ma ngħinekx, agħmel li ma nfixklekx. Imma fl-istess ħin ried jinqeda bina. Dan misteru kbir. Għaliex għażel li dan u mhux lill-ieħor? Dan hu misteru kbir. Huwa misteru ta’ ħniena. U għalhekk, aħna u nitolbu għall-vokazzjonijiet, nitolbu għall-grazzja tal-ħniena; imma nitolbu wkoll għall-familji. Għax aħna, ilkoll kemm aħna l-frott tal-eżempju tal-ġenituri tagħna, tal-familji u l-komunitajiet fejn trabbejna.
Is-saċerdot ma jinbetx waħdu; jinbet bil-fidi tal-komunità;
jgħix bil-fidi tal-komunità; ikompli u jippersevera bil-fidi tal-komunità. Din il-persważjoni għandha tagħmilna iżjed umli.
Allura bħalma għidt fil-bidu, kemm hi sabiħa t-talba li tant irrepeta San Ġorġ Preca: ‘Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla.’
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Slat 19:9b-11,14-21,31-35a,36
Responsorju: S 47 (48):2-3a,3b-4,10-11
L-Evanġelju: Mt 7:6,12-14




