• Il‑Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fis‑sezzjoni tan‑nisa fil‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal Ġdid.
     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Taqsima tan-Nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal Ġdid
    11 ta’ Diċembru 2016

    Mit-taħdita tal-Evanġelju li għadna kemm smajna, naħseb bħali nnutajtu kif jibda l-Evanġelju li qralna Fr Martin llum. “Dak iż-żmien Ġwanni li kien fil-ħabs, sama’ l-għemejjel tal-Messija u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: ‘Inti hu dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?’” (Mt 11, 2-3) X’kien ġralu Ġwanni l-Battista? Ngħidulu ‘Battista’ għax huwa għammed lin-nies, għammed ukoll lil Ġesù. Ġralu li lil Erodi wissieh li ma kellux jieħu l-mara ta’ ħuħ għax il-mara ta’ ħuh kienet ta’ ħuh u mhux tiegħu. Erodi rrabja, irrabjat anke l-mara ta’ ħuh, jisimha Erodijade, u dan tefgħu l-ħabs għax ma setax joqgħod biha, ried jagħlaqlu ħalqu u tefgħu l-ħabs.

    Aħna għandna ħafna qaddisin li kienu l-ħabs, mhux biss Ġwanni l-Battista, anke San Pietru. Intom għandkom lil San Pietru bil-ktajjen għax ħin minnhom Erodi, mhux dak li jgħidulu ‘il-Kbir’, wieħed mit-tfal tiegħu, arrestah u tefgħu l-ħabs. Jiġifieri aħna qegħdin f’kumpanija tajba ħafna, imsejħin ukoll għall-qdusija.

    Aħna wkoll irridu nistaqsu fil-qalb tagħna li Ġesù: “imma inti dak li tista’ tgħini jew le?” Ġesù x’jgħidlek? “Ħares lejn il-fatti, toqgħodx fuq il-paroli” għax ir-risposta li bagħat lil Ġwanni waqt li kien il-ħabs dik kienet: “inti għandek raġun tistaqsi”. Ġwanni, meta ra lil Ġesù kien qalilhom: “Dan hu l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1, 29) jiġifieri meta ltaqa’ miegħu wara l-magħmudija, wara li għammdu, induna min kien. Imma Ġwanni beda jisma’ ħafna xorti, għax ħin minnhom lil Ġesù anke għaddewh bħala miġnun. Infatti qalu lill-mama tiegħu u marret għalih ommu. Fl-Evanġelju għandna li “ommu u ħutu marru jfittxuh għax xi ħadd kien qal li qed jiġġennen”. Ommu qalet: ‘Isma’, it-tifel qiegħed jiġġennen irrid nieħu ħsiebu jien, ħa mmur nara jekk għandux bżonn xi ħaġa’. Dak ħallieha wara l-bieb, u qalilhom: “min huma ommi u missieri?” “Dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha” (Lq 8, 21). Ara Ġesù kemm hu impressjonat bil-fatti. Anke lill-mama tiegħu hekk qalilha: ‘Min huma ħuti u ommi? Il-ħbieb tiegħi min huma?’, jgħid Ġesù. “Dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla”.

    Aħna ħafna drabi torox. Min hu l-ikbar trux? Min ma jridx jisma’. Min hu l-veru għami? Dak li ma jridx jara. Ġesù jgħidlek, mhux id-diskors. L-ewwel li għamel hekk lilna l-qassisin, mhux il-paroli, il-fatti! Lil Ġwanni jagħtih il-lista. Għaliex jagħmel hekk Ġesù? Għaliex Ġesù jrid jgħidlu: Isma d-domanda ta’ Ġwanni kienet: “Inti l-Messija?” Xi tfisser il-Messija? Il-Messija tfisser il-midluk tal-Mulej, magħżul biex iġib il-veru ħelsien lill-poplu t’Alla, il-veru ħelsien mid-dnub, mill-jasar tad-dnub u l-mibegħda li jkun hemm ġo qalbna.

    Ġesù jfakkru li hu qed jagħmel dak li kien qal il-profeta. Allura niġu għall-Ewwel Qari. “Imbagħad jinfetħu għajnejn il-għomja, jinfetħu widnejn it-torox, imbagħad iz-zopp jaqbeż bħall-għażżiela, u l-ilsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ” (Is 35, 5-6). Din hi miktuba minn Isaija ħafna sekli qabel Ġesù. Meta l-Lhud kienu jaqrawha kienu jgħidu: ‘Il-Messija hekk se jagħmel, hekk se jagħmel il-Messija. Dan hu meta jiġi xi ħadd jagħmel hekk, jiġri hekk, ikun ġie l-Messija’. Allura Ġwanni qed jistaqsi: “imma dan il-Messija?”. U Ġesù jgħidlu: “Isma’ jien qed nagħmel dak li qal il-profeta Isaija”. Mela r-risposta mal-ewwel tifhimha: jiena l-Messija, Ġesù qed jgħidlu: “jiena l-Messija”.    

    Ġesù jgħid xi ħaġa oħra l-aħwa: “ħieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija” (Mt 11, 6). Din il-kelma ‘ma jitfixkilx’ nistgħu ngħiduha mod ieħor: ‘ħieni hu min ma jiskandalizzax ruħu minħabba fija’. Kultant aħna jkollna xi ħbieb u jinsewna, jistħu naqra minna. Ġesù ġralu hekk ukoll. Ġesù ġieli ġralu li għax jgħid xi kelma, idur u ma jsib lil ħadd.  Ġieli ġara fl-Evanġelju jgħidu: “kliem iebes dan” (Ġw 6, 60) u kulħadd ilebbet. Hu jgħid “ħieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

    X’inhi l-kelma ta’ Ġesù għalikom aħna u nippreparaw għall-Milied? Fittxuh biex ikollna l-paċi fil-qalb tagħna. Inti fejn int, int f’liema ċirkostanza int, Ġesù ġej biex ikun għalik salvatur. Tgħidli kif? Fittex li fil-qrar, fit-tqarbin ikollok il-paċi fil-qalb tiegħek għaliex ismu wkoll mhux biss Salvatur, għax l-isem ‘Ġesù’ hekk tfisser ‘Alla Salvatur’. Imma għandu wkoll isem ieħor li huwa Għemmanu-El. Il-profeta Isaija għandu din il-profezija sabiħa: “ix-xebba jkollha iben u jsemmuh Għemmanu-El” (Is 7, 14) li jfisser ‘Alla magħna’. Alla magħna! Se jkun miegħek, għax Alla se jkun magħna dejjem.

    Jiena nixtieq nitlob grazzja. Għax aħna għidna: min huwa l-ikbar trux? Min ma jridx jisma’. Nitolbu l-grazzja li jagħtina qalb biex nisimgħu l-kelma tiegħu u nagħmluha. Per eżempju jgħidilna: “ħobb lill-għedewwa tiegħek”. Kemm hi tqila għalina li tħobb lill-għedewwa tiegħek. Din il-kelma nisimgħuha u nippruvaw nagħmluha. “Aħfer ħalli jinħafirlek”. Kemm hi iebsa. Jiena nista’ nisma’ l-kelma tiegħu, ma nittarrax għaliha imbagħad tħallieha tgħini nobdieha. Ġesù jagħtik il-qawwa biex tobdi l-kelma tiegħu.

    It-tislima sabiħa tiegħu, anke l-anġli jgħiduha fil-Milied: “Glorja l’Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”, jew “lill-bnedmin li Alla jħobb ħafna, il-bnedmin ta’ rieda tajba li Alla jħobb ħafna”. Il-Mulej iħobbna ħafna. Din ma ninsewha qatt, int min int, jien min jien, il-Mulej iħobbni ħafna, u ta ħajtu għalina u se jitwieled għalija wkoll. 

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Jonathan Paris Photography