L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Dan il-kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu, li smajna fl-Evanġelju skont San Ġwann, huwa kliem li jfisser b’mod ċar ħafna s-sejħa li għandu kull min hu dixxiplu ta’ Ġesù. X’irid jgħid biha, meta jgħid “il-ħabba tal-qamħ taqa’ fl-art u tmut”? Ġesù mhux qed jitkellem fuq il-mewt ta’ persuna bħala xi ħaġa pożittiva; imma qed jgħid hawnhekk, bħala tixbieha, kemm hu importanti li fil-ħajja tagħna Nisranija, nippruvaw inneħħu minna l-egoiżmu, il-kburija, it-tfittxija totali tagħna nfusna – u li ngħixu għal ħaddieħor. Bħal ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut, imma fl-istess waqt imbagħad qed tagħmel ħafna frott. Għalhekk, dan li qed jgħid Ġesù qed jgħidu għal kull min hu dixxiplu tiegħu.

Illum, meta qed niċċelebraw il-festa ta’ San Lawrenz, għandna eżempju mill-isbaħ ta’ kif tgħix dan il-kliem ta’ Ġesù – kemm bil-ħajja tiegħu, u kemm bil-mewt tiegħu. San Lawrenz għex fit-tielet seklu. Għall-ħabta ta’ nofs it-tielet seklu, kien żmien iebes għall-Insara ta’ dak iż-żmien. San Lawrenz kien wieħed mid-djakni tal-Papa Sistu II, u kellu bħala ħidma li jieħu ħsieb it-teżori tal-Knisja u li jieħu ħsieb il-foqra u dawk fil-bżonn. U ddedika ħajtu bħala djaknu proprju għal dawk li huma fil-bżonn.

Fil-fatt, meta kien hemm din il-persekuzzjoni, darba l-awtoritajiet riedu li hu jieħu quddiemhom it-teżori tal-Knisja. U hu ħa quddiem l-awtoritajiet il-foqra,  u dawk kollha li kienu fil-bżonn, u qalilhom: “Dawn huma t-teżori tal-Knisja”. Huma ħaduha bi kbira, għax ħasbu li kien qiegħed jgħaddihom biż-żmien, imma fil-fatt San Lawrenz qal sewwa: dawk huma t-teżori tal-Knisja. U dan li qal baqa’ dejjem bħala prinċipju importanti fil-ħajja tal-Knisja – li dawk kollha li huma bil-bżonn huma dawk li għalihom aħna nagħtu ħajjitna. Għalhekk, San Lawrenz għex dil-kelma ta’ Ġesù proprju tul il-ħajja tiegħu bħal ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut, imma tagħmel ħafna frott. Għex il-ħajja tiegħu bħala għotja, bħala għotja ta’ mħabba. U spiċċa wkoll biex miet. Kien vittma tal-persekuzzjoni tal-Imperatur Valerjanu u spiċċa maqtul għax hu ried jibqa’ fidil lejn Ġesù u lejn il-missjoni tiegħu bħala djaknu fil-Knisja.

San Lawrenz jgħallimna ħafna għall-ħajja tagħna. Ħa nsemmi żewġ affarijiet li huma tant importanti. L-ewwel nett, jgħallimna kif ngħixu ħajjitna bħala għotja ta’ mħabba. Mhux kulħadd se jkollu din is-sejħa biex jagħti ħajtu bil-martirju bħalma kien San Lawrenz, imma lkoll għandna s-sejħa biex ngħixu ħajjitna bħala għotja ta’ mħabba lejn l-oħrajn – għalhekk fil-qadi tal-oħrajn. U narawha din. Nixtieq li nħarsu anke lejn il-ħajja madwarna, u naraw kemm nies tassew jgħixu dil-kelma ta’ Ġesù – per eżempju, ġenituri li jiddedikaw ħajjithom għal uliedhom, bħal ħabba tal-qamħ jagħtu ħajjithom u jagħmlu ħafna frott; nies li jaħdmu fil-qasam soċjali; u nies li jieħdu bis-serjetà r-responsabbiltà li għandhom fil-qasam tax-xogħol, u jkunu bħalma semma Ġesù hawn. Għalhekk, is-sejħa li qed jagħmel lilna San Lawrenz hu li ħajjitna ngħixuha bħala għotja ta’ mħabba, fil-qadi tal-oħrajn, u nsibu tassew il-milja tal-ħajja tagħna mhux meta nfittxu lilna nfusna, jew naraw x’se nakkwistaw għalina, jew kif se nieħdu l-affarijiet u niġbduhom lejna, imma meta naqdu tassew b’imħabba lill-oħrajn.

Imbagħad jgħallimna wkoll xi ħaġa importanti ħafna meta hu ppreżenta t-teżori tal-Knisja, u qal: dawn huma t-teżori tal-Knisja, il-foqra u dawk kollha li huma fil-bżonn. Dan ifakkarna li għandna dejjem nistmaw u ngħożżu l-ħajja ta’ kull persuna, ta’ kull min hu vulnerabbli, ta’ kull min hu dgħajjef, ta’ kull min hu marid, ta’ kull min hu fqir, ta’ kull min hu dipendenti. U li niftakru li s-saħħa tas-soċjetà ma titqiesx mil-lussu ta’ xi wħud mill-membri tagħha, imma s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Dan hu li jgħallimna San Lawrenz. Jgħallimna kemm hu importanti li ngħożżu s-siwi tal-ħajja ta’ kull persuna, anke min qata’ qalbu minnu nnifsu, min qed jara l-ħajja tiegħu spiċċat qisha fix-xejn, u għalhekk jgħidlek: ma tiswiex il-ħajja tiegħi. Le, il-ħajja ta’ kulħadd hi importanti! U minna li jitlob il-Mulej mhux li aħna b’xi mod nimbuttaw lil xi ħadd ’il barra, imma li ngħinu lill-persuna biex tgħix il-ħajja tagħha u biex tgħożż il-ħajja tagħha, għax kull ħajja umana tiswa.

Nirringrazzjaw illum lil San Lawrenz li jagħtina dan il-messaġġ sabiħ, u nitolbu biex aħna fil-ħajja tagħna, bl-interċessjoni tiegħu, ngħixu tassew dan l-ispirtu tiegħu: San Lawrenz bħala djaknu li ta ħajtu, u San Lawrenz li wriena min huma tassew it-teżori fil-ħajja tal-Knisja.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta