L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm espressjonijiet qawwija li Ġesù kultant juża fl-Evanġelju biex iwassal il-messaġġ tiegħu. U hawnhekk illum għandna proprju eżempju ta’ dan, meta Ġesù jgħid: “Jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek… jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek”. Kliem qawwi dan, kliem iebes!  U jkompli, jgħid: aħjar tgħix b’għajn waħda jew b’id waħda, milli tispiċċa mbagħad ġismek kollu fl-infern.

Dan hu kliem iebes ħafna, u tajjeb nistaqsu: xi jrid jgħid biha Ġesù meta jitkellem hekk? Ħa naraw l-ewwel x’ma jridx jgħid. Ġesù ma jridx li nagħmlu ħsara lilna nfusna (self-harm), kif kultant tista’ tiġik l-impressjoni jekk timmaġina lil dawn il-biċċiet maqtugħin. Anzi Ġesù jrid li aħna nħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn – inħarsuha, nipproteġuha, ngħożżuha. U l-Mulej irid li nagħmlu dan anke meta għadha ma tidhirx, meta għadha ħajja li tnisslet, żgħira żgħira, imma hi diġà ħajja umana. Għadha mhijiex iffurmata, m’hemmx l-għajn, m’hemmx l-id, għad iridu jiffurmaw, imma hemm diġà ħajja umana. Ġesù hemmhekk irid li ngħożżuha, mhux ngħidu “din ok” imma “din għandha xi difett, inpoġġuha fl-istore, għaliha” qisha hi ta’ klassi inqas jekk mhi ta’ ebda klassi. Daqshekk irid Ġesù li nħarsu, ngħożżu u nistmaw il-ħajja tagħna u tal-oħrajn!

Li żgur ma għandniex nagħmlu hu li niġġustifikaw lilna nfusna fil-ħażen

Xi jrid jgħid Ġesù b’dan il-kliem? Qed jgħid li rridu nkunu lesti ngħidu “le” lilna nfusna fejn meħtieġ ngħidu “le”, u ma nħallux dak li nħossu fina jikkmandana u jiġri bina. Dak hu l-messaġġ ta’ Ġesù. Għalhekk iġib l-eżempju tal-għajn: jekk tħalli dak li tara jiġri bik, jista’ jwasslek għal dak li hu ħażin, bħalma jsemmi Ġesù stess: min jagħmel “adulterju fil-qalb”. U l-id l-istess, jekk tgħid “għandi idi tikolni biex nagħtih xebgħa” u tħalliha tieklok u tagħtih daqqtejn, ħallejt dak li tħoss fik jikkmandak, imexxik. Għalhekk Ġesù qed jgħid: għandna nkunu lesti li ngħidu “le” – dak hu r-rażan – fejn jeħtieġ li ngħidu “le”.

Issa dan mhux faċli. Nafu kemm ikun diffiċli li nrażżnu lilna nfusna, u ġieli niżbaljaw f’dan, nonqsu f’dan. Imma Alla jagħtina l-possibbiltà li nerġgħu nibdew mill-ġdid, imma għax nagħrfu li dik hi t-triq it-tajba: it-triq li, fejn meħtieġ, nitrażżnu biex nagħżlu t-tajjeb u nevitaw dak li jkun ħażin.

Li żgur ma għandniex nagħmlu hu li niġġustifikaw lilna nfusna fil-ħażen. Jiġifieri li ngħidu “għax jien hekk magħmul!” Ġieli tismagħha din. Ħu l-ilsien. Hawnhekk Ġesù ma jsemmix l-ilsien imma jsemmih drabi oħra. Jekk ngħid “għax jien magħmul hekk, ta’ żaqqi f’fommi, dak li nħoss ngħidu”, jew “għax jiena lest li jekk ikun hemm bżonn nagħti daqqtejn ta’ ħarta, ħalli l-bniedem jidra, hekk magħmul jien”. Hekk magħmul xejn! Hekk sirt, u bħalma sirt hekk, tista’ ssir mod ieħor. Żgur ma għandniex ngħidu “hekk magħmul”, qisu l-Mulej lilna ħalaqna robots ipprogrammati biex nagħmlu dak li nħossu u nħalluh imexxina u jikkmandana hu. Mhux hekk iridna l-Mulej, u għalhekk irid li nkunu lesti biex fejn meħtieġ, ngħidu “le” lilna nfusna biex nagħżlu t-tajjeb u nevitaw dak li hu ħażin.

Nitolbu lill-Mulej biex bil-qawwa tiegħu nkunu lesti ngħidu “le” fejn hu meħtieġ li ngħidu le, ħalli ngħixu fil-paċi tiegħu, u ma nagħmlux ħsara la lil ħaddieħor u lanqas lilna nfusna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju