L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ġesù jsemmi tliet affarijiet importanti ħafna għal min irid ikun dixxiplu tiegħu: “għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16:24). L-ewwel ħaġa li ninnutaw f’dal-kliem ta’ Ġesù hu dan li mhux suġġeriment, speċi qed jgħid: ħa nissuġġerilkom xi ħaġa. Ġesù jgħid li min irid ikun dixxiplu tiegħu “għandu…” – mela qed jgħid hekk għandu jagħmel kull min irid jimxi warajh.

Ħa naraw dal-kliem ta’ Ġesù. L-ewwelnett, Ġesù jgħid “jiċħad lilu nnifsu”. Kultant din tinstema’ stramba ħafna, anke fil-mentalità ta’ żmienna, għax aħna nitgħallmu li rridu nkomplu niżviluppaw lilna nfusna, u dejjem infittxu l-aħjar. B’dal-kliem, Ġesù qed jgħid li aħna ma għandniex infittxu dak li hu l-aħjar għall-ħajja tagħna, u li nkomplu anke nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna? Mhux hekk qed jgħid Ġesù! Ġesù jridna nagħrfu t-talenti li hu tana, niżviluppawhom, u nimxu ’l quddiem fil-ħajja, u nagħmlu dak li hemm bżonn. Imma meta qed jgħid “jiċħad lilu nnifsu”, Ġesù qed jgħid li aħna ma għandniex inħallu dak li nħossu fina jikkmandana, imexxina hu, speċjalment meta se jmexxina għal dak li hu ħażin.

Ħa nsemmi eżempju x’jiġifieri dal-kliem ta’ Ġesù “jiċħad lilu nnifsu” – per eżempju, tkun lest biex tgħid kelma, imma mbagħad tirrealizza li b’dil-kelma flok il-ġid se tagħmel ħsara, flok turi mħabba lejn persuna se tweġġagħha. Għalhekk tigdem ilsienek, u ma tgħidhiex. Dak hu eżempju ċar ta’ x’jiġifieri “tiċħad lilek innifsek”. Jew inkella, tkun se tikteb xi ħaġa fuq il-media soċjali – illum tiskanta meta tara ċerti affarijiet li jinkitbu, u tara fejn twassal il-mibegħda, hawn min qisu għandu l-inkarigu li jxerred il-mibegħda kontra persuni – tiċħad lilek innifsek ifisser li tistaqsi: dan li se nikteb, se jgħin jew se jfixkel biex ikun hemm ambjent aħjar? Se jkun ta’ ġid jew ta’ ħsara? U, jekk tara li jkun ta’ ħsara, tmur kontra tiegħek innifsek, biex ma tħallix li ssir il-ħsara. Għalhekk qed jgħid li min irid ikun dixxiplu tiegħu għandu jiċħad lilu nnifsu. Tiċħad lilek innifsek f’dak kollu li jtellfek milli tgħix dak li Ġesù jrid minnek.

Ġesù jgħid ukoll: “jerfa’ salibu”. X’jiġifieri terfa’ salibek? Aħna kultant ngħiduha meta tkun tgħix jew taħdem ma’ xi ħadd u tgħid: għandi salib, irrid nieħu paċenzja! Hu veru, fil-ħajja kultant irridu nieħdu paċenzja b’xulxin, u veru kultant dak ikun is-salib li trid terfa’. Imma terfa’ salibek ifisser li tagħmel sagrifiċċju biex tagħżel dak li hu sewwa, u dan kultant jitlob ħafna attenzjoni. Għax mhux kull ħaġa li tiġi fuqna hija s-salib tagħna. Ħa nsemmi eżempju: persuna li qiegħda d-dar tagħha vittma ta’ vjolenza domestika. Għandha salib? Għandha salib, imma s-salib mhuwiex li tibqa’ hemmhekk vittma, u taċċetta l-abbuż. Is-salib huwa li tara x’hemm bżonn isir, u tieħu l-passi u tfittex l-għajnuna biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż. Dak hu s-salib tagħha! U għalhekk qed ngħid li wieħed irid joqgħod ħafna attent meta jgħid: x’inhu s-salib li rrid nerfa’? F’dal-każ is-salib hu li ma taċċettax sitwazzjoni ta’ abbuż. U bħalma semmejt il-vjolenza domestika, insemmi kull sitwazzjoni oħra ta’ abbuż ta’ persuni, fejn int ma tistax tgħid “dak hu s-salib tiegħi”, u taċċetta, u tkompli għaddejja s-sitwazzjoni. Imma s-salib hu li tieħu passi.

L-istess, jekk int taf li xi ħadd min-nies ta’ madwarek qed jisraq, u tgħid “dak hu s-salib tiegħi, nieħu paċenzja” – le, ma tistax taċċetta sitwazzjoni bħal din. Is-salib hu li tieħu l-passi neċessarji. Irridu niftakru, għalhekk, li meta Ġesù jgħid “terfa’ salibek”, kultant ifisser li tieħu l-passi neċessarji, anke diffiċli, biex ma tħallix sitwazzjoni ta’ abbuż fuqek, jew fuq oħrajn, fis-sitwazzjoni fejn tkun.

Ġesù jgħid imbagħad “jimxi warajja” – mela, “jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”. Aħna nafu li din mhix faċli. Timxi wara Ġesù jfisser li int tħalli lilu jurik it-triq, lilu jurik fejn għandek timxi fil-ħajja, l-għażliet li trid tagħmel. Meta aħna nkunu magħqudin miegħu tassew bħala dixxipli tiegħu, imbagħad Ġesù jmexxina fit-triq it-tajba. Aħna nafu li meta mexjin warajh, m’ aħniex se nidħlu fi sqaq, m’aħniex se mmorru fi triq żbaljata, imma se nimxu tassew fit-triq it-tajba. Din l-għaqda miegħu bħala dixxipli tiegħu tgħinna biex aħna nimxu warajh tasssew. Għalhekk, din hi t-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll: li aħna nieħdu bis-serjetà dal-kliem ta’ Ġesù; u lkoll imsejħin biex inkunu dixxipli tiegħu, imma li nagħrfu li biex inkunu dixxipli tassew, għandna, kif jgħidilna Ġesù, niċħdu lilna nfusna, nerfgħu salibna, u nimxu warajh.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta