L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ilkoll nafu kemm jista’ joħloq inkwiet dan l-imbierek wirt. Donnu Ġesù xamma din il-ħaġa meta wieħed mill-folla staqsih biex jgħid lil ħuh jaqsam il-wirt miegħu (Lq 12:13). Imma mbagħad immedjatament jispjegalna fuq xiex għandna noqgħodu tassew attenti u juża din il-kelma qawwija: “Iftħu għajnejkom, ħarsu rwieħkom minn kull rebgħa”. Hu jispjegalna “għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam,” jgħid, “ħajtu ma tiddependnix mill-ġid li jkollu” (Lq 12:15).

Xi jrid jgħid il-Mulej? Mhuwiex qiegħed jikkundanna l-ġid, lanqas qiegħed jikkundanna l-għaqal ta’ min jinvesti u jkabbar il-ġid u l-ekonomija. Wara kollox dawn huma għodod għall-ġid komuni. Qed iwissina imma milli nużaw il-kriterju tal-ġid materjali bħala l-kejl tal-kwalità tal-ħajja. Huwa element importanti imma ħajtek m’għandhiex tiddependi mill-ġid li għandek anke jekk għandek bir-radam.

Xi kwalità ta’ ħajja hi dik li ħajtek kollha billejl u binhar tinkwieta, taħdem, tistinka biex tfaddal u jkollok iżjed u iżjed imbagħad li tispiċċa la tgawdi l-ħajja, la tgawdi l-familja, lanqas tgawdi l-ħbieb. Anzi, kuljum tispiċċa tagħmel xi għadu ġdid. Din hija kwalità ta’ ħajja li titlef l-irqad minħabba l-flus u l-ġid? Imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.

Il-parabbola li jgħid Ġesù hija dwar bniedem li għamel suċċess. L-għelieqi tiegħu tawh ħafna frott, żgur bil-mod kif amministrahom, ħaddimhom bil-ħaddiema li kellu, jaħseb biss imma li jaħżen il-ġid li għandu u li jagħti ħajtu għalih innifsu. “Għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!” (Lq 12:19).

Il-Mulej Ġesù jagħtina tagħlima oħra: li l-ġid li għandek tgawdih tassew meta tkun kapaċi taqsmu ma’ ħaddieħor. Għax hekk se nistagħnew quddiem Alla, hekk se nkunu nixbhu lis-Sid tas-Smewwiet li jitfa’ x-xita fuq it-tajbin u l-ħżiena u jtella’ x-xemx fuq it-tajbin u l-ħżiena. Li tiġma’ l-ġid għalik innifsek huwa li tingħalaq fik innifsek u allura tgħix minn issa t-togħma tal-frugħa li fuqha tkellem il-ktieb ta’ Qoħelet li smajna silta famuża minnu fl-ewwel qari: “Frugħa tal-frugħat u kollox frugħa” (Qoħ 1:2). X’jiswa li jkollok il-ġid imma m’għandekx imħabbiet vera?

Fi kliem ieħor, Ġesù qed jgħidilna li inti ma titkejjilx b’dak li għandek imma bl-imħabbiet li għandek. Għidli x’inhuma l-imħabbiet tiegħek, kif tħobb, u lil min tħobb u ngħidlek min inti. Imma tgħidlix kemm għandek flus il-bank u kemm għandek artijiet għax dawk mhux inti. Jiġi l-mument, il-“frugħa tal-frugħat”, u dak bħal libsa ikollok ixxiddu u tħallih warajk. Inti se tasal fid-destin li ma jispiċċa qatt, inti u qalbek. Dak li għandek użah biex tkun espressjoni sabiħa tal-imħabba għal ħafna.

X’inhi l-kwalità tal-ħajja tagħna?

Ħafna nies hekk jagħmlu. Jiena nemozzjona ruħi kull meta lill-poplu Malti nagħmlulu appell u — ikun f’liema diffikultajiet ikun — dejjem jara l-bżonn ġenwin u jirrispondi bil-qalb. Verament nikkomwovi ruħi meta nisma nkun qiegħed f’xi maratona ta’ fund raising għal xi kawża ġusta —tal-Knisja u mhijiex — u jkun hemm xi ħadd jgħidli: “Qed nagħti mill-ftit li għandi”. Imma dak il-ftit hu importanti ħafna għax ma rekkintux għalija biex nixxala, nisker u ngawdi jien biss bħalma għamel dak il-povru tal-parabbola. Kien għani imma ġustament insejħulu ‘povru’ għax ma fehemx x’inhi l-vera għana.

Nagħmel mistoqsija lill-ġenituri li forsi mgħobbijin bil-piż tal-kontijiet li jridu jitħallsu, ta’ xi loan li trid titħallas, u allura xogħol wara xogħol biex inlaħħqu: imma qed nagħtu kemm nistgħu ħin għal xulxin, għal uliedna, għal Alla? X’inhi l-kwalità tal-ħajja tagħna? Ġirja biex jiena nlaħħaq sal-aħħar tax-xahar? Għax jekk inhi hekk, allura m’għandniex kwalità ta’ ħajja tajba.

Il-kliem ta’ Ġesù għandu jġagħalna nirriflettu. Jekk tisma’ lin-nanniet u tisma’ l-istejjer tagħhom bħalma kien jisma’ Ġesù f’riġlejn in-nanniet tiegħu Anna u Ġwakkin, inti tagħraf il-għerf ta’ x’jiġifieri tkun għani tassew; għani fil-ħniena bħalma huwa Alla għani fit-tjubija, għani fil-ħlewwa. Dik hija li tagħmlek għani tassew u dik l-għana ma jeħodhielek ħadd. Dik l-għana mhix frugħa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Qoħ 1:2; 2:21-23
Salm: 89(90):3-4, 5-6, 12-13, 14, 17
Qari II: Kol 3:1-5, 9-11
L-Evanġelju: Lq 12:13-21