L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:15). Din is-sentenza ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum hi, biex ngħid hekk, il-qofol tal-messaġġ tiegħu, u torbot ma’ dak li smajna f’silta oħra tal-Kelma ta’ Alla, l-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, meta jgħid li “r-regħba hi idolatrija” (Kol 3:5).

X’inhi r-regħba? Hi l-kilba biex inti dejjem ikollok, u jkollok aktar, u dejjem aktar, u qatt ma inti kuntent jew kuntenta b’dak li għandek, u minħabba f’hekk il-ħajja kollha ssir ġirja biex int takkumula aktar.

Aħna nafu li l-messaġġ ta’ Ġesù kien jgħodd ħafna għan-nies ta’ żmienu, imma hu messaġġ importanti ħafna għalina llum. Dan għaliex l-esperjenza tal-ħajja tagħna turina kemm ir-regħba hi preżenti fis-soċjetà tagħna, u kemm twassal ħafna drabi għal tant ħażen. Kultant tingħata l-impressjoni li jirnexxi min jirnexxilu jaħtaf ħafna taħt idejh. Ir-regħba taraha kultant anke meta tħares madwarek, pereżempju fl-ambjent rovinat frott tar-regħba.

Ir-regħba qatt ma tagħmlek kuntent

Ġesù, bil-kelma tiegħu, jgħidilna ħaġa li tant hi importanti għax tiftħilna għajnejna biex noqogħdu attenti mir-regħba li tista’ tirkibna. Ġesù qed jgħid, l-ewwel nett, li r-regħba qatt ma tista’ tagħmlek kuntent jew tagħtik il-paċi fil-qalb. Li int dejjem trid għalik, dejjem tfittex l-affarijiet għalik, kultant bis-sewwa jew bid-dnewwa, l-aqwa li jkollok iżjed – qatt ma tista’ timla ħajtek b’dak li jkollok. Ir-regħba ma timliex il-qalb, ir-regħba ma tagħmlekx kuntent. Xejn minn dak li jkollna ma jista’ jimla tassew il-qalb.

Ir-regħba tkisser ir-relazzjonijet fil-familja, imma wkoll ma tħallikx tgħix ħajja fil-paċi.

Ir-regħba tfixkel ir-relazzjonijiet

Ir-regħba tfixkel ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn. Nibdew inħarsu lejhom mhux b’rispett lejn id-dinjità tagħhom, imma nħarsu lejhom inkwantu nistgħu niksbu xi ħaġa minn fuq daharhom, naraw kemm jistgħu jservu għalina. L-oħrajn isiru bħala mezz għall-gwadann tagħna. Għalhekk ir-regħba tagħmel ħsara lir-relazzjonijiet.

Hawn rajna, fil-ġrajja tal-Evanġelju, li wieħed jistaqsi lil Ġesù biex jgħid lil ħuh jaqsam il-wirt miegħu (Lq 12:13). Fejn jidħol il-wirt, nafu kemm sfortunatament kultant ikisser ir-relazzjonijiet fil-familji, proprju għax ikun hemm min immexxi mir-regħba u għalhekk iġib ħafna kunflitti fil-familji minħabba f’hekk. Dan kien fi żmien Ġesù, u nafu kemm hi problema mifruxa fi żmienna. Ir-regħba tkisser ir-relazzjonijet fil-familja, imma wkoll ma tħallikx tgħix ħajja fil-paċi.

Xejn mhu se nieħdu magħna

Ir-regħba tnessina li aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem. Min qabel u min aktar tard, xi mument naslu għal dan il-waqt meta ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem. Magħna mhu se nieħdu xejn. Dak kollu li nkunu ġmajna hawnhekk ma aħniex se neħduh magħna. Ma nistgħux nippakkjawh u neħduh magħna meta naslu fit-tmiem tal-ħajja tagħna hawnhekk. Dak jibqa’ għal ta’ warajna.

Smajna dan il-messaġġ b’mod ċar ħafna fl-Evanġelju, fejn Ġesù jgħid il-parabbola tar-raġel għani li kellu ħafna frott u ppjana li jħott l-imħażen u jibni mħażen ġodda, filwaqt li qal lilu nnifsu: “Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”. Imma qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?” (Lq 12:19-20). Messaġġ simili rajnieh fl-ewwel qari fil-Ktieb ta’ Koħelet: “wieħed li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih” (Koħ 2:21).

Mezz mhux għan

X’jgħid Ġesù li għandna nagħmlu? Hawn ma jitkellimx biss kontra r-regħba, imma jgħidilna x’għandha tkun l-attitudni tagħna. Ġesù jgħidilna li għandna nistagħnu quddiem Alla.

Ġesù jridna nieħdu ħsieb tagħna nfusna, u tal-familja tagħna, u li nieħdu ħsieb li ngħixu b’mod deċenti, aħna u l-familja tagħna. U jrid li nirsistu għal dan, u naħdmu bis-sħiħ għal dan. Imma jrid li qatt ma ninsew li dak li għandna hu mezz u mhux għan, u qatt ma nagħmluh għan fil-ħajja tagħna, għax hemmhekk nitilfu tassew is-sens tal-ħajja.

Ġesù jrid li nistagħnu quddiem Alla, li nagħtu l-ewwel post lil dawk il-valuri li tant huma importanti fil-ħajja, u li għalihom il-flus u l-proprjetà huma mezz, mhux għan. Hu jrid li naħsbu wkoll fl-oħrajn. Nistagħnu quddiem Alla jfisser li dak li jkollna jservi għalina u għall-familja tagħna, imma naħsbu wkoll fl-oħrajn, speċjalment f’dawk li tassew jeħtieġu.

L-akbar investiment

Irridu niftakru li l-akbar investiment li nistgħu nagħmlu għall-ħajja ta’ dejjem hu proprju dak li nagħmlu ma’ dawk fil-bżonn. Se nsibu dak li nkunu tajna u qsamna mal-oħrajn, mhux dak li nkunu akkumulajna għalina nfusna.

Hemmhekk inkunu qegħdin nagħmlu xi ħaġa li tibqa’, mhux li tgħaddi u tispiċċa fix-xejn, imma li tibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk Ġesù jistedinna biex nistagħnu quddiem Alla. Għandna nirsistu għal dak li hu meħtieġ fil-ħajja tagħna u tal-familja tagħna, imma fl-istess waqt dejjem naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn u nkomplu naħdmu biex ngħinu minn dak li għandna u hekk nistagħnu quddiem Alla.

Nitolbuh illum l-ewwel nett biex qatt ma norbtu qalbna mal-ġid li għandna b’mod li nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem; imma li nużaw il-ġid li Alla jipprovdilna, bi gratitudni lejh, b’mod li jkun iservi għalina u għall-familja tagħna, u wkoll għal dawk li huma fil-bżonn. Hekk inkunu qed nistagħnu quddiem Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju