• Għat-tieni sena konsekuttiva, waqt il-Foundation for Environmental Education Fest (FEE Fest), intramaw Prayer Spaces li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u l-ħolqien. L-FEE Fest hi attività mifruxa fuq tliet ijiem fejn l-istudenti jingħataw l-opportunità jsiru aktar familjari ma’ programmi dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. 

    Fil-Prayer Spaces, gruppi ta’ studenti adolexxenti Maltn u Għawdxin minn skejjel primarji u sekondarji, talbu u rriflettew permezz ta’ tmien spazji ta’ talb fosthom, li kitbu talb għan-nies fid-dinja wara li raw powerpoint presentation b’realtijiet diversi ta’ nies madwar id-dinja. L-adolexxenti talbu dwar l-ambjent ħieles minn kull tniġġiż waqt li taw valur minn 1 sa 10 jekk dak li qed jaraw fl-istampa huwiex ta’ ġid għall-ambjent jew le.

    L-istudenti kellhom ukoll jaqbdu backpack u jagħżlu tliet oġġetti biss li jieħdu magħhom f’każ li jkollhom jitilqu malajr mill-pajjiż minħabba gwerra, terremot jew avveniment mhux mistenni ieħor.  Fuq ċrieki kkuluriti li meta twaħħlu ffurmaw forma ta’ dudu, kitbu talb ta’ ringrazzjament għal dak li jogħġobhom fil-ħolqien. Fi spazju ieħor ta’ talb ġew mistiedna jaqbdu ġebla żgħira maħmuġa bil-ħamrija, li kienet qed tirrapreżenta lilna nfusna li maż-żmien nitħammġu b’xi vizzju. L-istudenti ħasbu dwar modi differenti kif ilkoll nistgħu ninħelsu mid-dnub jew vizzju waqt li laħalħu l-ġebla f’kontenitur tal-ilma.

    L-adolexxenti kellhom ukoll mumenti profonfi ta’ talb dwar dak li qed jinkwethom u jbeżżagħhom.

    Dawn huma xi wħud mit-talb miktuba mill-istudenti fuq l-isticky notes:

    • “Jien qed nibża’ li nerġa’ niġi bbuljat hekk kif immur fis-sekondarja, għax meta kont żgħir kienu jaqbdu miegħi”
    • “Jien naf xi tfisser tgħix f’kaxxa tal-kartun għax għamilt tliet xhur ngħix hekk qabel ma’ wasalt Malta” Ħassejtni skomdu norqod f’kaxxa ta’ kartun u bla ikel. Ħassejtni mbeżża’ fid-dlam. Tlabt għat-tfal daqsi li jkollhom dar bħali.”
    • “Il-ħajja mhijiex faċli għalija. Dejjem imbeżża’ li missieri ma jiġix għalija u jħallini dejjem għand in-nanna.”
    • “Nitlob għat-tfal bħali biex jaqtgħu l-għatx tal-imħabba. Nixtieq li lili jħobbuni bħal ma jħobbu lil ħuti. Naħseb lili ma jħobbunix ħafna għax ma tantx jagħtu kasi.”
    • “Jien irrid naqta’ l-għatx tal-ħbiberija vera. Se nagħmel minn kollox biex lil ħabiba tiegħi napprezzaha u ma niġġilidx magħha jew ngħajjarha.”
    • “Jien kollox jogħġobni fil-ħolqien għax nara kemm hu kbir Alla biex ħalaq kollox sabiħ. Ara x-xemx kemm tkun sabiħa tiela’ fil-għodu!” 
    • “Grazzi talli armajtu din il kamra. Kemm hi sabiħa din il-logħba.”

    Din is-sena l-FEE Fest saret bejn l-10 u t-12 ta’ Jannar 2018, fl-Iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi, fin-Naxxar.

    Għal aktar informazzjoni żur il-paġna fuq Facebook: Prayer Spaces in Schools – MALTA

  • Artiklu miktub minn Silvana Cardona, kordinatur tal-Prayer Spaces in Malta