L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Lili tħalluni waħdi” (Ġw 16:32). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu – qegħdin hawnhekk fl-Aħħar Ċena, ftit qabel ma jgħaddi għall-passjoni u l-mewt tiegħu. Hawn mal-ewwel jolqotna kif dan il-kliem li jgħid Ġesù, li hu kliem ħiereġ mill-imħabba tiegħu lejn id-dixxipli, mhuwiex kliem li jikkundanna. Meta qed jgħid “lili tħalluni waħdi”, qed jgħid verità, qed jgħid x’se jiġri. Imma ma jgħidux b’ton ta’ kundanna, anzi jgħidu b’ton li jrid jiġbed l-attenzjoni tagħhom, tad-dixxipli, li hawn qalulu li issa qed jifhmuh u jemmnu, li, fil-fatt, ftit wara dad-diskors se jħalluh waħdu.
Meta qed jgħid hekk Ġesù, qed jgħidhielhom biex huma jiftakru f’dan, bħalma ftakru mbagħad wara, meta qam mill-mewt. Imma l-ewwel ħaġa li tolqotna f’dan id-diskors ta’ Ġesù huwa kif hu, minkejja li qed jara għalxiex dieħel – il-passjoni u l-mewt – nafu li l-ikbar tbatija mhijiex biss l-uġigħ u kemm bata waqt il-passjoni u l-mewt li spiċċa qatluh, imma wkoll l-abbandun ta’ dawk l-aktar qrib tiegħu. Qed jiġbded l-attenzjoni għal ħaġa reali fil-ħajja tagħna. Aħna verament kultant inbatu minħabba uġigħ, jew mard, imma wkoll minħabba l-abbandun – meta dawk qrib tagħna jogħsfru, jew meta dawk li nistennew li jagħtuna appoġġ u sapport, ma jidhrux.
Imma Ġesù jgħid ħaġa importanti ħafna, marbuta ma’ din. Għax meta jgħid “lili tħalluni waħdi”, jgħid imbagħad: “iżda waħdi m’iniex, għax il-Missier huwa miegħi” (Ġw 16:32). Kif nafu, f’dan id-diskors kontinwament jitkellem fuq ir-rabta tiegħu mal-Missier. U għalhekk qed jgħid: minkejja li intom m’intomx se tidhru, se titilqu, waħdi m’iniex, għax se jkolli miegħi l-Missier li jibqa’ miegħi. Hu għalhekk, fil-fatt, li Ġesù lilhom jista’ jagħmlilhom il-qalb. Din mal-ewwel tolqotna fid-diskors tiegħu – kif Ġesù kellu bżonn min jagħmel il-qalb lilu, meta dieħel għal din it-tbatija; imma huwa hu li jagħmel il-qalb lid-dixxipli tiegħu, li minkejja li se jabbandunawh, jgħidilhom: “agħmlu l-qalb” (Ġw 16:33).
Dan id-diskors ta’ Ġesù hu importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Aħna wkoll inbatu kultant proprju minn dan li qal hu – għax inħossuna abbandunati. Jista’ jkun xi ħadd qiegħed f’dar tal-anzjani, jew l-isptar, u dawk l-iktar qrib tiegħu, bħal tal-familja, ma jmorrux jarawh. U għalhekk it-tbatija hi akbar. Ġesù qed jgħid: niftakru li waħedna m’aħniex. Għandna l-Mulej magħna, u l-Mulej jagħtina l-kuraġġ. Anke meta nħossuna abbandunati, qatt ma għandna naqtgħu qalbna, għaliex il-Mulej huwa magħna – bħalma qal hawnhekk, “il-Missier huwa miegħi”.
Hawnhekk, naturalment, qed jappella lilna, li aħna rridu nkunu viċin ta’ dawk li qed ibatu. Min-naħa tagħna, irridu niftakru f’dal-kliem, biex aħna qatt ma nabbandunaw lil min għaddej minn tbatija, imma jkun imdawwar tassew b’għożża, b’imħabba, b’kompassjoni minna. Min għaddej minn tbatija, anke min baqagħlu ftit żmien ta’ ħajja, qatt ma għandu jaħseb li l-ħajja tiegħu ma tiswiex, li l-ħajja tiegħu mitlufa, li jista’ jitlaq. Meta jitlaq f’idejn il-Mulej, mhux f’idejna; imma aħna għandna ndawru lil min għaddej minn tbatija b’imħabba sħiħa biex qatt ma jħossu abbandunat, jew tħossha abbandunata.
Il-kliem ta’ Ġesù, fl-aħħar ta’ din is-silta, huwa kliem li tant jolqotna, meta jgħid: “Fid-dinja
tbatu jkollkom…” Mhux qed jgħid lid-dixxipli: issa li emmintu, addio tbatija; issa li qegħdin miegħi, jekk tibqgħu miegħi, addio t-tbatija! Mhux hekk jgħid. Jgħid: “Fid-dinja tbatu jkollkom”. Nafu kemm hu veru dan. Imma jgħid: “Agħmlu l-qalb, jiena rbaħt id-dinja” (Ġw 16:33). Din tajjeb nifhmuha. Għax meta jgħid li rebaħ id-dinja, meta tħares lejn id-dinja, fejn rebaħha? Jekk tara Gaża, qegħdin bħalissa jmutu mhux biss minħabba l-vjolenza imma minħabba l-ġuħ ukoll, għax ma jasalx l-ikel lil dawk li qegħdin hemm. Nies innoċenti! Jekk tara l-Ukrajna, u diversi postijiet oħra – kif jgħid Ġesù “jiena rbaħt id-dinja”? Nifhmu dan meta naraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Lil Ġesù qatluh, imma qam għal ħajja ġdida. Hu wiegħed lil dawk kollha li jimxu warajh li hekk tkun tassew il-ħajja tagħna, li tgħaddi għal ħajja ġdida. Imma wegħidna wkoll li jekk aħna naċċettawh u nimxu warajh, inkunu tassew rebbieħa miegħu. Għaliex f’qalbna jkollna dik il-paċi li jsemmi hawn – l-imħabba li tibqa’ minkejja d-diffikultajiet u t-tbatijiet kollha. Bħalma jgħid San Pawl, aħna “rebbieħa” (Rum 8:37) jekk aħna naċċettawh. Hemmhekk aħna rebbieħa, u nindunaw li meta nimxu fuq dak li jgħidilna hu, inkunu tassew rebbieħa – mhux għax l-affarijiet madwarna bilfors jimxu skont ma qal Ġesù, għax hawn ħafna nies ma jaċċettawhx. Imma min jilqgħuh ikun tassew rebbieħ.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li dal-kliem ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għall-ħajja tagħna biex, minkejja t-tbatija, u anke fil-mumenti ta’ tbatija, inkunu rebbieħa għax nafu li għandna f’qalbna l-imħabba u l-paċi tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta