Matul il‑laqgħat ta’ aġġornament għall‑kleru ta’ din is‑sena, is‑saċerdoti djoċesani u reliġjużi ġew imħeġġa jiddiskutu l‑isfidi u l‑opportunitajiet relatati mal‑vokazzjonijiet. Ispirati mill‑episodju tal‑Vanġelu tad‑dixxipli fit‑triq lejn Għemmaws, il‑laqgħat kienu mqassma fuq tliet temi prinċipali: li niltaqgħu, nisimgħu u nirrispondu.
Biex jiffaċilitaw dan il‑proċess ta’ riflessjoni u djalogu, ġew mistiedna is‑Sur Lawrence Zammit mill‑kumpanija MISCO u Patri Frankie Cini MSSP li ppreżentaw ir‑realtà tal‑vokazzjonijiet f’Malta u għenu lis‑saċerdoti jirriflettu fuq kif is‑soċjetà Maltija tħares lejn is‑saċerdot.
Dun Sinclair Bugeja offra riflessjoni fuq l‑Iskrittura, b’enfasi fuq dak li tgħid il‑Kelma t’Alla dwar il‑vokazzjonijiet. Il‑ġurnalist Mark Laurence Zammit, min‑naħa tiegħu, stieden lis‑saċerdoti biex jaħsbu dwar kif jistgħu jwasslu l‑messaġġ tagħhom fid‑dinja tal‑lum b’mod iktar effettiv.
Id‑Direttur taċ‑Ċentru Vokazzjonijiet tas‑Seminarju, Dun James Saydon ta rendikont tal‑ħidma li qed issir fiċ‑Ċentru. Barra minn hekk, ipprovda suġġerimenti prattiċi, pariri u ideat għall‑parroċċi u ċentri oħra, bil‑għan li l‑promozzjoni tal‑vokazzjonijiet tkun responsabbiltà ta’ kulħadd.
Fl‑aħħar tat‑tliet ijiem, is‑saċerdoti kellhom ukoll l‑opportunità li jaqsmu l‑ħsibijiethom fi gruppi u jiddiskutu x’inhu t‑tiġdid li l‑Mulej qiegħed jistedinna għalih fil‑qasam tal‑vokazzjonijiet. Tkellmu wkoll dwar kif jistgħu jgħixu s‑sejħa tagħhom b’mod aktar awtentiku sabiex żgħażagħ oħra jirrispondu għas‑sejħa bħalhom, kif ukoll kif il-kreattivà tista’ tagħti perspettiva differenti u tama ġdida waqt li jaffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum.
L‑Aġġornament tal‑Kleru ntemm b’mument ta’ adorazzjoni u messaġġ mill‑Arċisqof Charles Scicluna fejn fakkar li l‑vokazzjonijiet huma responsabbiltà tal‑Knisja kollha kemm hi, imma b’mod speċjali tas‑saċerdoti li huma l‑aqwa ambaxxaturi tas‑sejħa.
L‑Aġġornament tal‑Kleru ġie organizzat bejn s‑26 u t‑28 ta’ Mejju 2025 fis‑Seminarju tal‑Arċisqof.