L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta hija ġrajja sabiħa li nsibu fl-Evanġelju skont San Luqa, u hija ġrajja wkoll speċjali, għaliex aħna minn barra naraw tnejn min-nies – Marija u Eliżabetta – imma fil-fatt hemm erbgħa. Hemm ukoll Ġwanni l-Battista u Ġesù. Għalhekk hi ġrajja speċjali, u għalhekk Eliżabetta tinfexx f’dik l-għajta li tgħid lil Marija, “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” – qed tgħid għal Ġesù; u għaliha nnifisha “it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” – qed tgħid għal Ġwanni l-Battista. Naraw f’din il-ġrajja ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja.

Din il-ġrajja fil-fatt tiġi eżatt wara r-rakkont sabiħ ta’ meta l-anġlu Gabrijel ħabbar lil Marija li kellha tkun Omm Alla. Kif Marija tgħid “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek”, l-Evanġelju jgħid li “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” biex tmur għand il-kuġina tagħha Eliżabetta. Innutaw il-kelma “tħaffef”. Il-preżenza ta’ Alla fiha għenitha biex tmur bil-ġiri, tagħmel vjaġġ mhux ħażin, biex tasal għand il-kuġina tagħha Eliżabetta biex taqsam magħha l-aħbar ta’ ferħ, u biex tkun ta’ sapport għaliha fil-ħtiġijiet tagħha. Kemm hi sabiħa! Hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba. Hi l-imħabba li mexxiet lil Marija biex tħaffef lejn il-kuġina tagħha Eliżabetta, u Eliżabetta tilqagħha b’dik l-imħabba kbira wkoll, kif rajna hawnhekk fl-Evanġelju.

Aħna għandna ngħożżu l-ħajja, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha … Għalhekk importanti li nsegwu l-miżuri għall-ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tagħna u tal-oħrajn. Dik l-għożża tal-ħajja nuruha fil-prattika f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Għalhekk għandna ċelebrazzjoni tal-ħajja, tal-imħabba, li tfakkarna kemm għandna ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. Dan iġib tassew il-ferħ. Smajna fl-Ewwel Qari mill-ktieb tal-Profeta Sofonija dak l-innu ta’ ferħ. U fejn hemm il-ħajja u l-imħabba, bħalma rajna hemm il-ferħ, hemm kliem ta’ barka – dan l-Evanġelju mimli bil-kliem ta’ barka – u hemm ukoll kliem ta’ tifħir lil Alla u ringrazzjament għal din il-ġrajja kbira u sabiħa. Għandna tassew dan il-ferħ kbir li tħossu fl-Evanġelju.

X’inhu l-messaġġ għalina llum? L-ewwel nett l-għożża tal-ħajja. Aħna għandna ngħożżu l-ħajja, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, kif naraw hawnhekk jagħmlu Marija u Eliżabetta, u f’kull waqt tagħha. Għalhekk importanti ħafna li aħna nsegwu l-miżuri għall-ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tagħna u tal-oħrajn. Dik l-għożża tal-ħajja nuruha fil-prattika f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Imbagħad ukoll, iċ-ċelebrazzjoni ta’ mħabba: li aħna nagħrfu kif inħobbu bħalma għamlet Marija, speċjalment meta marret tħaffef lejn il-kuġina tagħha biex tkun magħha, biex taqsam l-aħbar ta’ ferħ u tkun ta’ sapport għaliha. Aħna wkoll nistgħu nagħmlu dan u għandna nagħmluh, mhux bil-mod kif għamlitu Marija, għax minħabba l-pandemija aħna ma nistgħux immorru nżuru – nixtiequ kieku – diversi nies anzjani u morda; ma nistgħux nagħmlu dik l-għajta ta’ ferħ bħalma għamlet Eliżabetta, għax irridu nilbsu l-maskra. Imma nistgħu nsibu mezz kif aħna nuru li nħobbu, pereżempju b’xi telefonata, b’messaġġ, b’xi kartolina. Nuru din l-imħabba, naqsmuha mal-oħrajn. Hu b’dal-mod li niċċelebraw il-Milied b’mod sabiħ illum fiċ-ċirkustanzi diffiċli li qed ngħixu bħalissa.

Nitolbu biex il-Milied ikun għalina, għall-familji tagħna, għall-komunitajiet tagħna, għall-iskejjel tagħna, ċelebrazzjoni ta’ ħajja, ta’ mħabba, ta’ ferħ.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju