Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nett nixtieq nintroduċilkom dan is-saċerdot li qaralkom dan l-Evanġelju sabiħ. Huwa l-Kappillan il-ġdid ta’ Ħal Balzan. Nagħtuh ċapċipa kbira. Jismu Fr Bernard Micallef u nitolbu għalih biex ikun jista’ jaqdi l-poplu ta’ Ħal Balzan, din il-parroċċa sabiħa u anke lilkom meta jkun hemm bżonn, sabiex jikber fil-qdusija u bl-eżempju sabiħ tiegħu nixtieqkom tagħmlu din l-intenzjoni biex ikollna vokazzjonijiet iżjed għas-saċerdozju.

L-Evanġelu li għadu kemm qara l-Kappillan huwa Evanġelju tassew sabiħ. Ġesù jaf min hi dik il-mara li resqet ħdejh. Bid-dmugħ tagħha ħasslitlu saqajh, b’xuxitha xxottathomlu, dilkitlu saqajh b’żejt ifuħ. Kien jaf min hi. Imma ħallieha turi mhux biss l-indiema tagħha imma wkoll id-devozzjoni u l-imħabba tagħha u taha l-ikbar rigal bil-fejqan spiritwali, bil-maħfra ta’ dnubietha, “Dnubitek maħfura” (Lq 7:47). U ’l Xmun il-Fariżej għaqli li kien stieden lil Ġesù, għallmu li l-imħabba kapaċi tgħatti ħafna dnubiet u tattira fuqna, tiġbed fuqna, il-ħniena t’Alla.

“Ħabbet ħafna” (Lq 7:47).  Kemm hi ħaġa sabiħa li Ġesù meta jħares lejn din il-mara jammetti li kellha bżonn il-maħfra. Ma jumiljahiex. Sempliċiment jgħidilha “Dnubitek maħfura” (Lq 7:47).   Imma jgħid ukoll xi ħaġa sabiħa, “Ħabbet ħafna.” U aħna nitolbu l-grazzja li meta nħarsu lejn ħajjitna twila jew qasira, inkunu nistgħu quddiem Alla ngħidulu: “JIena midneb. Jiena midinba. Għallimni nħobb ħafna.”

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

Qatt mhu tard biex nitgħallmu nħobbu għax inti tista’ tgħix ħajtek forsi b’xi dispjaċir li kien hemm xi ħaġa li stajt tagħmilha u m’għamilthiex, kelma li stajt tgħidha u m’għidtix, ġest li stajt għamiltu u m’għamiltux. Imma jekk ngħixu fil-passat inkunu qed nitilfu ċ-ċans li ngħixu il-mument preżenti u minnu ninsġu xi ħaġa sabiħa. Dan iż-żmien li tana l-Mulej. Dak li għadda nħalluh f’idejn il-ħniena tiegħu. Dak li ġej inqegħduh f’idejn il-providenza tiegħu. Illum nitolbuh jgħinna biex inkunu nies li nħobbu ħafna.

L-imħabba li nuru lil xulxin, il-paċenzja li nieħdu bina nfusna l-ewwel nett u anke b’ħutna. Intom jista’ jkun li drajtu tgħixu waħedkom id-dar; u llum spiċċajt tgħix f’komunità. Allura din hija bidla kbira f’ħajtek. Tkun tixtieq ma tara ’l ħadd u tara ħafna nies, u tgħidlu: “Mulej Ġesù f’din is-sitwazzjoni li qiegħed, li qiegħda fiha, għallimni nħobb. Għallimni wkoll nuri mħabba lejn min qed jiddedika ħajtu, ix-xogħol tiegħu biex jgħinni. Nitolbu ħafna għal carers tagħkom, nitolbu għall-istaff, għad-diretturi, għad-diriġenti ta’ dan il-post.

Imma intom tifhmu li jista’ jkun ambjent sabiħ ħafna imma jekk qalbna ma tkunx fil-kwiet ma nkunux fil-paċi. Għandna nitolbuh ’l Mulej biex aħna, f’kull ċirkostanza li nkunu fiha jagħtina d-don tal-paċi Tiegħu. Jgħallimna ngħixu flimkien bil-kalma u bil-paċenzja imma wkoll b’sens ta’ gratitudni.

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

Darba l-mibki Papa Franġisku hu u jkellem lill-għarajjes, qalihom” Ħa nagħtikom tliet kelmiet biex tgħixu kuntenti. Please, thank you, sorry.” Imma dawn mhux għall-għarajjes biss. Dawn għal kull wieħed u waħda minna. Intom, forsi ġenituri u n-nanniet mhux kulħadd jew  forsi jkollkom in-neputiiet u lit-tarbija trid tgħallimha tgħid please,

“għidli jekk jogħġbok”, trid tgħallimha. Aħna sibna min jgħallimna  ngħidu “Thank you”, “Għid grazzi.”  U tgħallimna wkoll nitolbu maħfra.  “Skużani. Aħfirli. Sorry”. Dawn huma tliet atteġġjament li rridu nitgħallmuhom u tajjeb ngħixuhom biex ikollna ħajja trankwilla.

Li inti, għalkemm għandek dritt għas-servizz, titgħallem tgħid jekk jogħġbok.  Lil dak li jkun, tkun qed tirrispettah fid-dinjità  tiegħu li qdik, li tak servizz. Li tgħid “thank you”, il-gratitudni timla’ l-qalb bil-ferħ. Xi kultant aħna nieħdu kollox bi dritt. Għandi dritt għall-ikel, għandi dritt li jaħsluni, għandi dritt; għax int tkun ħallast għas-servizz jew inkella jkun ħallas il-gvern għalik.

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

Imma l-kelma grazzi xorta tibqa’ siewja; xorta tagħmel lil ħajjitna verament sabiħa. Mela, “Please, thank you” u mbagħad “sorry” għax aħna nonqsu lil xulxin, kultant nonqsu mill-paċenzja, kultant ngħidu xi kelma iebsa għax inkunu – anke fl-uġigħ. L-uġigħ ikrah l-aħwa, tgħallmuni intom. Kulħadd jitgħallem mill-esperjenza kemm hu ikrah l-uġigħ. U l-ewwel persuna,   jew min ħabbat il-bieb l-ewwel,  jew l-iżjed persuni qrib. Imbagħad tgħid “Ara jien kieku dik il-kelma m’għidthiex kemm qegħdin iżjed fil-paċi.” Għax “Kelma lil hinn minn sinna timla’ dinja.”  Mhux hekk?  U kultant dak li jkun jibża’  jgħid sorry imma kemm hija neċessarja. Il-Mulej iħeġġiġna għax anke dik il-mara bil-ġesti tagħha lill-Mulej ħanin u twajjeb qaltlu sorry. U Hu ta’ Mulej ħanin u twajjeb qalilha “Dnubietek maħfura, għax ħabbejt ħafna” (Lq 7: 47).

Ejjew f’dan il-mument ninġabru biex nitolbu għal kull wieħed u waħda minna. Jiena din il-quddiesa, qiegħed noffriha għall-intenzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minnkom; għalikom, għall-ħbieb tagħkom mejtin, għall-familjari tagħhom mejtin. Poġġu fil-qalb tagħkom dawn l-intenzjonijiet tagħkom u għal dawn l-intenzjonijiet noffru din il-quddiesa llum.

Ejjew nafdaw fl-interċessjoni ta’ Marija.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Kor,15 :1-11
Salm: 117(118), 1-2. 16ab – 17.28
L-Evanġelju: Lq 7, 36-50

Aktar ritratti