Din is‑sena f’Ħamis ix‑Xirka filgħaxija, waqt it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jaħsel riġlejn 16‑il persuna li ħafna minnhom missew mas‑servizzi li Caritas Malta toffri lis‑soċjetà. Dawn jinkludu:
- ġenituri ta’ wlied li għamlu programm ta’ rijabilitazzjoni mid‑droga fi ħdan Caritas,
- romol u separati,
- klijenti u voluntiera ta’ Caritas, u
- koppji miżżewġa mill‑parroċċi tal‑Iklin u ta’ Santa Luċija li fihom saret Viżta Pastorali matul l‑aħħar xhur.
Matul din is‑sena l‑entità tal‑Knisja Caritas Malta qed tfakkar il‑50 anniversarju mit‑twaqqif tagħha kif ukoll it‑30 anniversarju mill‑ftuħ tal‑komunità terapewtika tal‑komunità ta’ San Blas.
Il‑ħasil tar‑riġlejn huwa ġest li bih, b’mod simboliku, iċ‑ċelebrant iwettaq il‑kmand ta’ Ġesù lill‑appostli fl‑aħħar ċena. Dan il‑ġest jisħaq dak li Ġesù ried li jkun il‑qofol tal‑ħajja ta’ dawk li jemmnu fih, jiġifieri li jħobbu lill xulxin b’mod konkret li jidher fil‑qadi ta’ kulħadd mingħajr interessi.