Il-President tal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes (UMTAL) Joseph Debono qal li kemm ilu jżur Lourdes, dejjem ra mirakli jseħħu fl-attitudnijiet tan-nies, u li dan iħeġġu biex ikompli jżur dan ir-raħal Franċiż.

F’intervista f’Lourdes fl-aħħar jiem, it-tabib Malti, li huwa wkoll membru tal-Bureau tal-Mirakli f’Lourdes, sostna li bħala xjentist u Nisrani jemmen fil-kruċjalità tal-provi fil-proċess li bih jiġi kkonfermat miraklu mill-Madonna ta’ Lourdes.

“Biex ngħidu li sar miraklu, irridu nkunu konvinti aħna li sar miraklu u ma nistgħux nidħqu bin-nies,” stqarr Debono.

X’inhu l-proċess biex jiġi kkonfermat miraklu?

Dr Debono spjega l-proċess rigoruż li jiskatta malli jirċievu informazzjoni dwar dak li jkun qed jitqies miraklu.

Joseph Debono, il-President tal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes (UMTAL)

Debono qal li ssir evalwazzjoni ta’ kull pretensjoni li sar miraklu u jsir assessjar tal-persuna li tkun għamlet ir-rapport tal-miraklu. Iddeskriva dan il-proċess bħala wieħed sensittiv.

“Malli l-Bureau jirċievi din il-pretensjoni, tiddiskutiha mal-professjonisti u tevalwahom”, kompla jgħid.

Enfasizza  li l-miraklu ta’ fejqan irid ikun sar fuq persuna li tkun għaddiet minn marda fiżika, bil-fejqan ikun permanenti.  “Jekk il-fejqan ma jkunx ċar, jiskatta proċess twil biex niddeterminaw jekk il-kura kinitx waħda mirakoluża,” sostna Debono.

Qal li ma’ kull saċerdot, ikun hemm erba’ tobba li jikkontestaw il-miraklu u d-don mogħti minn Alla, biex jikkonfermaw li l-persuna tkun fieqet b’miraklu. 

L-aħħar miraklu mill-Madonna ta’ Lourdes

Hu semma l-każ tal-aħħar miraklu li evalwa u kkonferma l-Bureau li kien ta’ mara li kienet sofriet xi ħsara f’nerv wara operazzjoni u li wara li żaret Lourdes, dan in-nerv fieq b’mod permanenti. Din il-mara kienet iddeskriviet il-preżenza tal-Madonna fil-Grotta u li ħasset il-fejqan waqt il-mument Ewkaristiku. F’dan il-każ il-Bureau għamel visti spiritwali u fiżiċi.

Debono għamilha ċara li biex jiġi kkunsidrat miraklu, il-fejqan irid ikun seħħ waqt li l-pazjent ikun f’Lourdes.

Bħal kull tabib li jżur Lourdes, Joseph Debono jirreġistra għal liċenzja temporanja biex ikun jista’ jaħdem bħala tabib f’pajjiż fejn mhuwiex ċertifikat li jagħmel dan.

Newsbook.com.mt kien preżenti fl-ajruport meta 55 pazjent, 65 pellegrin u 60 voluntier, ħallew Malta għal Lourdes għall-pellegrinaġġ immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Ara l-intervista sħiħa minn hawn.