L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tħallux qalbkom titħawwad!” (Ġw 14:1). Dan hu l-kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu. Hawnhekk qegħdin fl-ewwel versi tal-Kapitlu 14 ta’ San Ġwann – diskors twil li jibqa’ sejjer sal-aħħar tal-Kapitlu 17. Ġesù jgħidilhom “tħallux qalbkom titħawwad”, għax ftit qabel kien qalilhom: “fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu” (Ġw 13:33). Din ħawdithom, u kien hemm dik ir-reazzjoni ta’ Pietru li qallu: jien lest li nagħti ħajti għalik, inkun miegħek dejjem. U hemm Ġesù ħabbar li Pietru se jiċħdu.
Dal-kliem jiġi eżatt wara t-tħabbira taċ-ċaħda ta’ Pietru. Ġesù jgħidilhom “Tħallux qalbkom titħawwad”, u jgħidilhom għaliex: “sejjer inħejjilhom fejn toqogħdu… biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:2-3). Din hi l-isbaħ ħaġa li seta’ jgħidilhom biex jgħinhom jegħlbu dak it-taħwid li kellhom f’moħħhom, id-diffikultajiet li kienu qed jaraw. Dak il-ħin ma fehmuhx, imma wara l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, fehmuh u fehmu kemm hu veru li Ġesù hu preżenti, Ġesù ħaj, u kemm hi vera dil-kelma li qal: “fejn inkun jien, tkunu intom ukoll”.
Hawn Ġesu jurihom li biex ma jitħawdux, biex jegħlbu l-konfużjoni, għandhom jagħrfuh bħala t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Dal-messaġġ lid-dixxipli jgħidu lilna wkoll. Ġesù jagħmlilna stedina biex nagħrfuh bħala t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ġesù jgħid: “Jiena t-Triq” – hu t-triq li twassalna għand il-Missier, it-triq it-tajba. Aħna f’ħajjitna dejjem nixtiequ li naqbdu t-triq it-tajba, jgħiduha l-ġenituri għal uliedhom “kemm nixtieq li jaqbad it-triq it-tajba!” Nixtiequ li nimxu tajjeb u nafu li f’Ġesù għandna din it-triq. Hi t-triq li ma twassalniex għall-qerda, hi t-triq li ma ddaħħalniex fi sqaq, hi t-triq li twassalna għad-destinazzjoni tagħna, u twassalna biex nilħqu l-iskop ta’ ħajjitna.
Ġesù jagħmlilna stedina biex nagħrfuh bħala t-Triq, il-Verità u l-Ħajja
Ġesù jgħid li hu l-Verità – il-Verità li tmexxina lejn il-ġid. Aħna nafu kemm il-kelma tiegħu hi vera. U meta Ġesù qam mill-mewt, uriena li l-kelma tiegħu mhijiex kelma sabiħa li ndifnet miegħu, imma hi kelma ħajja, għax Ġesù hu ħaj, u kelma vera. Dik li tgħid hi l-verità li għandna bżonn għal ħajjitna. Nafu li ma’ Ġesù ma għandniex xi ħadd li jidħaq bina. Ġesù qatt ma fittex lanqas li jkun popolari billi jgħid affarijiet veri u mhux veri. Nafu li l-kelma tiegħu hi vera. Din tant hi meħtieġa għax aħna ngħixu f’dinja fejn niltaqgħu ma’ ħafna affarijiet li huma foloz, u ma’ ħafna ingann u qerq. Għandna bżonn lilu biex jurina l-verità.
Ġesu jgħid li hu l-Ħajja. Hu jagħtina l-ħajja ta’ dejjem li tibda minn issa – u għalhekk miegħu jkollna l-paċi – u li twassal lil hinn mill-mewt, ma tiqafx mal-mewt imma twassal lil hinn. Ġesù hu l-ħajja. Għandna bżonnu ħafna għax kultant niltaqgħu mal-kultura tal-mewt, kultura li l-ħajja ma tistmahiex imma f’mumenti minnhom tasal biex teqridha. Għandna bżonn lil Ġesù li kontinwament isejħilna biex ngħożżu l-ħajja, u ngħożżuha dejjem – mill-bidu tagħha, mill-mument tat-tnissil, sat-tmiem naturali, jiġifieri f’kull waqt tagħha. Ġesù, li hu l-ħajja, lilna jsejħilna biex ngħożżu l-ħajja.
Nitolbu lill-Mulej biex il-kelma tiegħu tgħinna ħalli aħna ma nintrebħux mit-taħwid u l-konfużjoni, imma nagħrfuh tassew bħala t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, dak li f’ħajjitna jagħtina tassew il-paċi fil-qalb tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju