L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna jagħmel kumment; dak li se nisimgħu ġara kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu. Wieħed jistaqsi għaliex jimpurtani dan id-dettall li jagħtina San Ġwann fil-kapitlu 13? Ġesù jifhem li sieħbu li ttradih u li kien biegħu għal 30 biċċa tal-fidda, se jkompli bil-pjan tiegħu. 

Ġesù jifhem ukoll li issa tassew waslet is-siegħa tiegħu. Kemm-il darba fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħid: is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx. Imma issa mhux il-mument li jgħid hekk. Issa l-mument li jifhem li ġej l-iebes tassew. U jissorprendina Ġesù meta jitkellem fuq il-glorifikazzjoni. Għalina xi ħaġa stramba ħafna minn bniedem li jaf li huwa kkundannat għall-mewt minn sieħbu li biegħu, jitkellem kif Alla jigglorifikah.  

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, is-salib ta’ Ġesù huwa l-glorja tiegħu. Hu l-mument fejn nifhmu lilu, kemm nifhmu għax dik il-glorja ta’ Ġesù mhijiex xi ħaġa li tagħtih xi prestiġju, unuri jew qawwa imma xi ħaġa li tattirana lejh: “meta nintrefa’ ’l fuq niġbed lil kulħadd lejja” (Ġw 12:32). Dik hija l-glorja ta’ Ġesù li bil-qawwa ta’ din ix-xhieda tal-imħabba, jiġbidna lejh mhux jisfurzana, anzi jattirana. Nifhmu allura għaliex meta qal li huwa r-ragħaj, qal: “Jiena r-Ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:11), imma fil-Grieg li bih inkiteb l-Evanġelju din il-kelma ‘tajjeb’ tfisser ukoll attraenti, sabiħ u twajjeb. Jiġbidna lejn il-qalb tiegħu u nifhmu kemm iħobbna. Din hija l-glorja għal Ġesù.  

Ħin minnhom jagħmel it-testment. Nifhmu kemm hu importanti dan il-mument għal Ġesù u kemm hu importanti dak id-dettall li jagħti Ġwanni kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu għaliex Ġesù f’dan il-mument jagħmel it-testment tiegħu. Bħal bniedem li jaf li se jmut, ma baqagħlux ħafna ħin biex jagħti l-iżjed affarijiet prezzjużi, iqassamhom. “Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom,” nagħtikom it-testment ta’ Ġesù, “nagħtikom kmandament” u jsejjaħlu ‘ġdid’ (Ġw 13:33-34).        Din ukoll xi ħaġa stramba għax il-kmandament tal-imħabba, istint tant qawwi fil-bniedem, Ġesù jgħidlu ġdid. X’hemm ġdid f’dan il-kmandament li qed jagħtina bħala l-aqwa u l-ikbar testment tiegħu? “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34).    

In-novità, il-ħaġa ġdida huwa l-kejl tal-imħabba għal kull wieħed u waħda minna. Meta ngħejja fl-imħabba, nieqaf Mulej. Wasalt biex inħobb kif iħobb Ġesù? Meta naħseb fuq il-proxxmu tiegħi, meta nitkellem fuqu jew fuq is-social media, nistaqsi lili nnifsi: hekk kien iħobb Ġesù? U nifhmu li kieku aħna nilqgħu t-testment tiegħu kemm niffrankaw inkwiet mhux biss għalina personali u għas-soċjetà, għad-dinja li l-kejl tal-glorja tagħha huwa frugħa u inti biex tħossok kbir tkisser pajjiż. Biex tgħid li pajjiż huwa parti mill-familja tiegħek, toqtlu, tkissru? Affarijiet li kieku jkollna s-sens nieqfu ftit għax ma jagħmlux sens.    

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi” (Ġw 13:38). B’xi mod li aħna aċċettajna dan il-wirt – għax int l-wirt tista’ taċċettahx speċjalment meta jkun hemm koċċ dejn. Ara jkun hemm koċċ flus, mod ieħor. It-testment għandek għażla taċċettahx jew le u hawnhekk ukoll. Avolja qed iħallina werrieta, qed jagħmel testment Ġesù – ftit ieħor baqagħli, se nagħtikom kmandament ġdid. U kif se jkunu jafu li aħna aċċettajna t-testment ta’ Ġesù u li sirna werrieta tax-xhieda tal-imħabba tiegħu? Mhux mit-tiżjin tal-fjuri u lanqas tal-kukkardi u l-istandardi jew l-ilbies, jew it-titli u r-rwoli, “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi” jiġifieri “jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.   

Intom u tiċċelebraw dan iċ-ċentinarju sabiħ – 100 sena parroċċa, 100 sena komunità Nisranija fil-preżenza tal-Isqof, fil-persuna tal-kappillan u l-presbiteri mibgħuta fostkom biex ikunu qaddejja – tajjeb tgħidulu grazzi lill-Mulej. Irridu wkoll inħarsu ’l quddiem. Hija parroċċa differenti ħafna minn dik li kienet 100 sena ilu. Illum din il-parroċċa għandha preżenza qawwija ta’ nies li mhumiex Maltin imma qegħdin fostna għax jien il-kelma ‘barranin’ iddarrasni, la qegħdin hawn mhumiex barranin, mhux qegħdin barra; mhumiex Maltin għax forsi ma jitkellmux il-lingwa tagħna imma qegħdin jieħdu l-istess arja li qed nieħdu aħna. Qed igawdu s-sbuħija ta’ pajjiżna bħalma ngawduha aħna.    

U din hija parroċċa li qed tiżviluppa u li hemm bżonn nindukrawha. B’xi mod il-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Karmelu fil-Gżira diġà hi laboratorju ta’ kif se jiżviluppa ’l quddiem pajjiżna bi preżenza qawwija ta’ nies li forsi m’għandhomx għeruq fil-kultura tagħna. It-tentazzjoni tagħna hija li ngħidu: aħna aħna, u huma huma – aħna u intom. U hekk forsi nkunu komdi. Noħolqu dak li bl-Inġliż jgħidulu our comfort zone komdu jien, komdu kulħadd. Imma l-isfida kbira li rridu nwieġbu għaliha u m’hemmx għalfejn immorru ’l bogħod; fit-toroq tagħna waqt li nsellmu lil xulxin b’rispett u nirrakkontaw li hemm kulturi differenti, lingwi u atteġġjamenti differenti, kultant xi barmil inkwiet ġdid ukoll, ngħidu li aħna komunità li ngħixu flimkien. Irridu nkunu laboratorju ta’ armonija soċjali.   

Il-Papa użaha kemm-il darba din il-kelma fuq Malta meta ġie fostna. Kemm          fil-preżenza tal-għażiż President tagħna fil-Palazz tal-Gran Mastru fl-ewwel diskors importanti tiegħu u anke meta għamel sintesi u ġabar il-ħsibijiet tiegħu kollha fuq il-vjaġġ f’Malta l-Erbgħa ta’ wara. Il-wasla tiegħu fis-6 ta’ April, il-Papa reġa’ uża din il-frażi ‘laboratorju ta’ paċi soċjali ta’ żvilupp uman’. 

Il-Gżira hija hekk bl-isfidi kollha tagħha. U nimmaġina li sfidi kbar, u mhux nimmaġina biss. Imma fejn m’hemmx sfidi? Importanti ħafna li l-komunità Nisranija li tinġabar f’din id-dar li bnew missirijietna u li wkoll tħaddan il-kwadru għażiż tal-Madonna tal-Karmnu u l-ġebla li laqtitha fl-1902, il-komunità li tinġabar hawn trid kieku minn dan l-artal, is-sagrament ta’ rikonċiljazzjoni mill-imħabba ta’ bejnietkom, din l-enerġija vitali li tkun xhud tal-imħabba li tana u li wriena Ġesù: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu ’l xulxin bħalma ħabbejtkom jien, jekk tħobbu intom lil xulxin”.       

Waqt li nawguralkom ħafna, nawgura wkoll li din il-parroċċa li hija mbierka b’diversi anzjani, membri li għandhom ħafna esperjenza. Il-Papa Franġisku għandu apprezzament kbir għall-għerf tal-anzjani u jgħidilna: importanti ħafna li nisimgħu lill-anzjani tagħna li tgħallmu mill-esperjenza tal-ħajja. Għandhom għerf li ma ssibux fil-kotba jew online, trid tisma’ r-rakkont, l-istejjer, l-esperjenza. San Ġorġ Preca kien jiġbor dan kollu f’din l-espressjoni: x’jaf min ma ġarrabx, min m’għaddiex minn esperjenza? L-esperjenza tgħallmek ħafna.  

U allura din hija opportunità, għana kbir mhux biss għall-parroċċa imma anke għall-awtoritajiet lokali, ċivili li wieħed japprezza din ir-rikkezza straordinarja, joħloq djalogu mal-ftit żgħażagħ li għad baqa’. M’hawnx wisq, imma b’mod speċjali djalogu anke mal-kulturi l-oħrajn u mar-realtajiet l-oħrajn. Hija memorja għażiża li nixtieqkom ħafna tagħmlu din il-ħaġa: f’din il-parroċċa hawn il-memorja ħajja ta’ kappillan qaddis: il-kappillan Carlo Manché. Nixtieqkom ħafna tapprezzawha u tagħmlu ħilitkom biex issir magħrufa. Il-Mulej iberikkom f’din l-esperjenza u din l-esperjenza ta’ xhieda ta’ saċerdot straordinarjament ġeneruż u qaddis. Hija wkoll responsabbiltà, mhux biss li ma jintesiex imma nitolbu biex il-Mulej juża t-talb tal-anzjani tagħna biex fid-djoċesi jkollna ġenerazzjonijiet ta’ saċerdoti qaddisin bħalma kien il-Kappillan Manché. 

U nitolbu ħafna għall-protezzjoni u l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija b’dak it-titlu sabiħ tal-Madonna tal-Karmnu. Il-Karmelu huwa wieħed mill-iżjed postijiet sbieħ fl-Art Imqaddsa u minn ħdejn is-Santwarju ta’ Stella Maris iħares lejn il-Mediterran. Kull meta mmur ngħid: minn hawn tista’ tasal Malta fuq il-baħar, l-istess baħar Mediterran. U dejjem nitlobha lill-Madonna, minn ħdejn dik l-istatwa li waqqfu n-nies taċ-Ċilì, għax il-Madonna tal-Karmnu hija patruna taċ-Ċilì wkoll, biex tbierek il-Mediterran kollu, tbierek lilna. U hekk nagħmlu l-istess baħar li jasal hawnhekk u li jitlaq ukoll mix-xtajta ta’ Haifa, jgħaqqadna idealment mal-għolja tal-Karmelu u jwennisna bil-barka tal-Madonna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Il-Qari tal-Quddiesa

Qari I: Atti 14:21b-27
Responsorju: Salm 144(145):8-9,10-11,12-13ab
Qari II: Apok 21:1-5a
L-Evanġelju: Ġw 13:31-33a,34-35