
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Aħna u deħlin hawnhekk f’din il-pjazza ta’ ħdejn is-Santwarju, hemm miktub fuq il-bieb: “Fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw u inti ħlisthom”. Miktuba b’Malti antik, l-iskrizzjoni hi tal-1719, u hija talba li nsibu fis-Salm 22, u li hawnhekk ġiet adattata proprju bħala talba lill-Madonna tal-Mellieħa. Imma forsi ftit jiftakru li din is-silta hi meħuda mis-Salm 22, li jibda: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Salm 22:2). Huwa l-kliem li Ġesù qal fuq is-salib, li hu l-kliem tas-Salm – jiġifieri hemmhekk Ġesù kien qiegħed jitlob – u flimkien ma’ dik it-tbatija kollha li kien għaddej minnha Ġesù, hemm ukoll proprju f’dan is-salm il-fiduċja sħiħa fil-Mulej, li hi wkoll il-fiduċja f’ommu Marija.
Fil-kelma ta’ Alla llum, smajna silta mid-diskors saċerdotali ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena. Hawnhekk Ġesù jgħid kliem sabiħ ħafna, u nixtieq li nieqfu prinċipalment fuq żewġ kelmiet li jgħid li jgħoddu għalina lkoll, imma b’mod partikulari wkoll għal dawn is-saċerdoti l-ġodda. Ġesù jgħid: “huma tiegħek” (Ġw 17:9). Qed jgħid għad-dixxipli, meta jkellem lill-Missier: “huma tiegħek”. Dawn is-saċerdoti l-ġodda huma tiegħu. U aħna s-saċerdoti, iktar ma nagħrfu li aħna tiegħu, u ngħixu tassew bħala saċerdoti tiegħu, iktar nilħqu l-iskop tagħna – tal-ħajja tagħna u tal-ministeru tagħna. It-talba li nixtieq nagħmel illum għal dawn is-saċerdoti hija l-ewwel nett biex huma jkunu tiegħu, jibqgħu dejjem tiegħu. Bħalma Ġesù qal hawnhekk, ikun ukoll il-kliem tagħhom: “Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi” (Ġw 17:10).
Meta jkunu tiegħu s-saċerdoti, il-ħajja kollha tagħhom u l-ministeru tagħhom isiru glorja lil Alla. Fil-fatt Ġesù jgħid: “jien igglorifikat permezz tagħhom” (Ġw 17:10) – permezz tad-dixxipli tiegħu. Kontinwament Ġesù hu gglorifikat permezz tal-ħidma tas-saċerdoti, għaliex l-ewwel skop tal-ħidma saċerdotali hu li jagħtu glorja lil Alla, biex bil-ħajja tagħna u bil-ministeru tagħna nagħtu glorja lil Alla.

Ġesù jitkellem ukoll kif wassal din l-Aħbar, dil-Kelma ta’ Alla, lin-nies. Imma jien nixtieq ukoll li niftakru dak li qal fl-Ewwel Qari San Pawl meta kellem lill-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu. Hemmhekk hu jgħidilhom fuq il-ministeru tiegħu, u hemm darbtejn fejn hu jgħid “qatt ma bżajt” – “qatt ma bżajt nurikom dak kollu li Alla jrid minnkom” (Atti 20:27); u ftit qabel, “qatt ma bżajt nurikom dak li hu ta’ fejda għalikom” (Atti 20:20). Meta aħna nkunu tiegħu, tal-Mulej, imbagħad jagħtina dik il-qawwa, li mhix ġejja minna imma ġejja minnu, biex verament naqdu lill-Mulej fil-ministeru saċerdotali. Nixtieq nitlob ħafna għal dawn is-saċerdoti ġodda biex qatt ma jibżgħu, għax mogħtijin din il-qawwa mill-Ispirtu ta’ Alla – qatt ma jibżgħu jwasslu l-Kelma ta’ Alla u juru lin-nies dak li Alla jrid minnhom. Fil-fatt San Pawl jitkellem fuq ix-xhieda għall-Evanġelju li ta, u jgħid ukoll minn liema tbatija għadda. Għax mhijiex daqshekk faċli kultant biex tagħti xhieda għal Ġesù, biex twassal il-Kelma tiegħu. Kultant titlob ukoll tbatija u sagrifiċċju.
Hawnhekk, meta aħna qegħdin f’dan is-Santwarju għażiż tal-Madonna tal-Mellieħa, żgur li ħarsitna tmur fuq Marija li hija l-isbaħ eżempju, bħala omm is-saċerdoti, kif nistgħu aħna ngħixu l-ministeru tagħna, kif nistgħu aħna nkunu tiegħu, tal-Mulej, bħalma talab Ġesù – hi kienet kollha kemm hi tiegħu – u kif nistgħu aħna nkunu xhieda tiegħu u nwasslu l-kelma tiegħu mingħajr biża’, bħalma għamel San Pawl u bħalma wriet dejjem Marija fil-ħajja tagħha. Għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel għal dawn is-saċerdoti hi li Marija tkun dik l-omm li takkumpanjahom u tħarishom fil-ministeru tagħhom, u li fl-istess waqt tkun mudell ta’ kif jistgħu jgħixu s-sejħa sabiħa li Alla għamlilhom.

Nitolbu ħafna llum għalihom, għal dawn is-saċerdoti ġodda. Nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet, għax “il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit” (Mt 9:37). Nitolbu għall-vokazzjonijiet biex diversi nies jilqgħu s-sejħa li jkompli jagħmel Ġesù biex jimxu warajh u jaqduh fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża. U nitolbu biex fil-Knisja kollha aħna nagħrfu l-valur tal-ħajja saċerdotali, u ngħinu u nappoġġjaw lis-saċerdoti tagħna. Is-saċerdoti għandhom bżonn ħafna sapport u appoġġ. Jien ċert li ħafna nies lesti jagħtu dan l-appoġġ, speċjalment bit-talb – għax it-talb jgħaqqadna mal-Mulej u jgħinna biex inkunu tassew ta’ għajnuna lis-saċerdoti tagħna. Għalhekk, aħna u nagħmlu llum, fl-aħħar tal-quddiesa, talba tal-offerta tagħna lil Marija, nistedinkom tissieħbu magħna biex nitolbu kemm għal dawn is-saċerdoti ġodda kif ukoll għas-saċerdoti kollha biex jistgħu jgħixu b’fedelta l-missjoni li Alla fdalhom f’idejhom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




