-
-
Il‑Ħadd l‑1 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa ta’ Jum il‑Paċi u fil-Festa Solenni ta’ Marija, Omm Alla, fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi.
Click here to see all photos of the Celebration of Mass.
The Celebration of Mass on YouTube
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Dar tal-Providenza, Siġġiewi
L-1 ta’ Jannar 2017Il-Madonna, ma naħsibx li kienet qed tistenna li ftit wara li jitwieled Ġesù jkollha l-ewwel żjara ta’ xi mistednin. Għaliex ir-ragħajja kienu mistednin mill-anġli biex imorru jaraw is-Salvatur. L-anġli hekk qalulhom: “Inħabbrulkom ferħ kbir, illum fil-Belt ta’ David twildilkom Salvatur. U dan huwa s-sinjal li ssibu tarbija mgezwra f’maxtura” (Lq 2, 10 – 12). Semgħu ukoll lill-anġli jgħannu din l-għanja sabiħa, kif fakkruna wkoll iż-żewġ żgħażagħ li għamlu riflessjoni sabiħa fil-bidu ta’ din il-Quddiesa. L-anġli għannew: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li Alla jħobb ħafna, lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2, 14). Illum, fl-ewwel jum tas-sena, nixtiequ noffru l-istess għanja tal-anġli: nagħtu glorja lil Alla fis-smewwiet u nitolbu fuqna d-don sabiħ tal-paċi, paċi fl-art.
Jekk tinnutaw ritratti li ġew ippublikati tal-presepju sabiħ li l-Gvern Malti ta lill-Papa biex ikun fi Pjazza San Pietru – il-Papa Franġisku mar iżur il-presepju l-bieraħ filgħaxija – tindunaw li l-artist bravu Għawdxi, Manwel Grech, għamel anġlu wara l-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin, u f’idejn l-anġlu hemm biċċa drapp u fuqha dawn il-kelmiet bil-Malti: Paċi fl-Art. Dan hu l-awgurju bl-ilsien tagħna, fil-qalba tal-Kattolicizmu, f’din il-pjazza li minnha jgħaddu ħafna nies mid-dinja kollha, u li tkun fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali madwar id-dinja. Dan il-messaġġ mhux biss attwali imma urġenti.
Il-Papa bħal-lum jagħmel messaġġ għall-Jum ta’ Paċi. Il-bieraħ, fil-Quddiesa li ċċelebrajt fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, semmejt dan il-messaġġ tal-Papa li fih jitkellem fuq in-non vjolenza – li aħna l-Insara u n-nies ta’ rieda tajba, fil-kliem tagħna, fil-mod kif nitrattaw lil xulxin, qatt ma nirrispondu l-vjolenza bil-vjolenza. Kelma iebsa qatt ma nirrisponduha b’kelma iebsa, lanqas jekk aħna nkunu vittmi tal-kalunnja.
Il-Papa jitkellem ukoll fuq il-familja bħala l-ewwel skola fejn aħna nitgħallmu naħfru tassew lil xulxin. Infatti, il-Papa Franġisku jitlob biex fil-familji tagħna jonqos il-kliem iebes, tonqos ukoll il-vjolenza domestika u l-abbużi. Għaliex jekk iż-żgħażagħ tagħna fil-familja jitilgħu f’ambjent vjolenti, kif ser iġibu ruħhom fis-soċjetà?
Illum iltqajna b’din l-Ewkaristija li tibda l-ġurnata fl-1 ta’ Jannar 2017, Maratona ta’ Solidarjetà ma din id-Dar għażiża, Id-Dar tal-Providenza. Kif naf żgur li jfakkarkom Fr Martin, hawnhekk jgħixu 110 residenti u għal kull resident hemm bżonn jintefqu, meta tqis kollox, anke li tagħmel esperjenza sabiħa, kull resident għandu bżonn 109 Ewro kuljum. Jiena nixtieq ħafna, la l-ispejjeż huma kbar persważ li l-Providenza ta’ Alla tkun kbira u l-Providenza ta’ Alla se tinqeda wkoll bil-qalb kbira tal-Maltin u l-Għawdxin. Meta tgħidu, “Ara inġabru 109 Ewro!” 109 Ewro tfisser l-ispejjeż li hemm bżonn biex resident jgħix ġurnata hawnhekk, u aħna għandna 110 resident, immaġinaw bil-109 Ewro kuljum.
Jiena nirringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin tal-ġenerożità. Din hija opra li beda l-maħbub u l-mibki Mons. Mikiel Azzopardi, 50 sena ilu, u għandna bżonn inkompluha. Imma għandna bżonn inkomplu l-inizzjattivi li qed tagħmel is-soċjetà ċivili u l-Gvern Malti wkoll biex dawn ħutna li jistgħu jgħixu fil-komunitajiet lokali jkunu jistgħu jagħmlu hekk. Kif tafu, hemm djar ġodda li qed jinfetħu biex anke l-persuni b’diżabilità ikunu jistgħu jgħixu fil-komunità.
Jiena nirringrazzja wkoll lill-ħaddiema, imma nirringrazzja wkoll lil min iħaddem in-nies b’diżabilità għaliex dawn għandhom ukoll abilitajiet li jgħallmuna ħafna.
Aħna bdejna sitt xhur importanti fl-istorja ta’ pajiiżna, għax mil-lum il-Gvern Malti jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Minn dan il-post, li huwa monument tal-kultura tal-ħajja. Minn hawnhekk fiċ-ċokon tagħna, aħna l-Maltin u l-Għawdxin nagħtu messaġġ lill-Ewropa kollha, fuq id-dinjità, ta’ kull wieħed u waħda minna, huma min huma, għandhom liema abilitajiet għandhom. F’din il-ġurnata li fiha wkoll Malta u l-Gvern ta’ Malta jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea nawguraw li dawn il-valuri favur il-ħajja, favur id-dinjità tal-persuni ikunu messaġġ ukoll ta’ faraġ u ta’ kuraġġ għall-Ewropa kollha.
Aħna nibqgħu niftakru fit-tislima tal-anġli fil-jum tal-Milied, “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. Il-paċi titwieled fil-qalb ta’ kull bniedem, bħalma l-vjolenza titwieled fil-qalb ta’ kull bniedem. Ejjew naħdmu biex din is-sena li bdejna u fil-kumplament ta’ ħajjitna u fil-qalb tagħna jkun hemm ħsibijiet ta’ paċi. Biex nerġa nikkwota lil San Ġorġ Preca, “ġid lill kulħadd, deni lil ħadd”.
Minn qalbi nawgura lill-kulħadd: lir-residenti, lill-carers lill-istaff lil kulmin qed jismagħna u jsegwina – sena mimlija barka u risq.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos/Video: Curia Communications Office