• Il-Ġimgħa 24 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għal pellegrini Awstrijaċi, wara Pellegrinaġġ Pawlin, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju, il-Furjana. 

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali San Publiju, il-Furjana
    24 ta’ Frar 2017

  • Il-jiem qrib l-10 ta’ Frar li fihom niċċelebraw il-festa tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl, huma ġranet li fihom aħna l-Maltin b’sens kbir ta’ nostalġija imma wkoll ta’ kburija, nirriflettu fuq avveniment storiku li mmarkalna l-għeruq tagħna. Hemm ħafna informazzjoni differenti dwar jekk l-ewwel komunità li kienet teżisti wara l-miġja ta’ San Pawl, baqgħetx teżisti wkoll fis-sekli ta’ wara, u dwar kif aħna wasalna bit-tradizzjonijiet Insara wara elfejn sena mill-miġja ta’ San Pawl fostna.

    Il-fatt hu li lkoll kemm aħna bħala Nsara, meta jasal l-10 ta’ Frar u nisimgħu l-espressjoni “meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta” (Att 28:1) inħossu fil-qalb tagħna sens kbir ta’ rikonoxximent u gratitudni lejn il-providenza ta’ Alla. Min jaf kemm il-saċerdot li għamel il-paniġierku fl-10 ta’ Frar, waqaf fuq dik l-espressjoni li qal San Pawl waqt il-vjaġġ lejn Ruma, “Jinħtieġ iżda li ninżlu fuq gżira” (Att 27:26). X’kienet tfisser għalina din in-neċessità providenzjali? Tfisser li l-fidi Nisranija li ġabilna San Pawl sawret l-għeruq tal-poplu tagħna.

    Jekk aħna nridu li jkollna futur, ma nistgħux ma nibnuhx fuq l-għeruq li għandna fil-passat. Il-friegħi se jkunu ġodda, se jilħqu ambjenti u għoli li qabel ma kellhomx, imma rridu nibnu fuq dak li kien hemm diġà. Jista’ jkun hemm xi fergħa li tbielet, li għandna bżonn inqaċċtu – għandna ħafna memorji koroh li ta’ min nissuperawhom bħala pajjiż. Imma hemm friegħi ġodda li se jikbru verament jekk ikunu qed jieħdu l-ħajja mill-għeruq profondi ta’ dan il-pajjiż li huwa mmarkat b’nawfraġju li sar fis-sena sittin wara Kristu.

    Il-kultura tagħna, l-ambjent arkitettoniku tagħna, il-mod kif niċċelebraw, il-mod kif nitkellmu, l-istess Innu Malti, li huwa l-ogħla espressjoni tal-identità nazzjonali tagħna, jgħajtu lil dak id-dawl ħelu, l-oħla dawl li bih żejjinna l-Mulej fin-nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl, jiġifieri l-fidi Nisranija. Is-siġra li tissimbolizza l-identità, il-patrimonju u l-kultura tagħna ma tikbirx jekk ma tibqax magħquda mal-għeruq tagħna. Il-passat hu garanzija tal-futur. Hija l-istorja tagħna li tagħmilna dak li aħna, kburin li aħna Maltin. M’hemm l-ebda progress veru jekk mhux ukoll nutrit mill-għeruq tagħna.

     Charles J. Scicluna
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja