Nhar l‑Erbgħa, 17 ta’ Frar 2021, il‑Knisja tagħti bidu għar‑Randan Imqaddes: 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Passjoni, il‑Mewt u l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra l‑quddiesa ta’ Ras ir‑Randan fil‑Knisja tal‑Immakulata Kunċizzjoni (Sarria) fil‑Furjana, li tinkludi t‑tberik u t‑tqegħid tal‑irmied. Il‑quddiesa tibda fid‑9:30 a.m. u tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Fil‑messaġġ tiegħu għar‑Randan ta’ din is‑sena, il‑Papa Franġisku jistieden lill‑Kattoliċi sabiex jagħmlu mixja ta’ konverżjoni u jħaddnu tliet virtujiet importanti: li jemmnu, jittamaw u jħobbu. Fi kliem il‑Papa, “ir‑Randan hu żmien biex nemmnu, jew aħjar biex nilqgħu lil Alla f’ħajjitna”. Għaldaqstant, is‑sawm jgħinna neħilsu mit‑toqol tal‑ħajja u nħallu lill‑Mulej jgħammar fina. Fil‑kuntest attwali ta’ tħassib u inċertezza li ninsabu fih minħabba l‑pandemija, il‑Papa Franġisku jenfasizza li “ż‑żmien tar‑Randan hu magħmul biex nittamaw,” u għalhekk għandna “nkunu iżjed attenti biex inlissnu ‘kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu, flok kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru’”. Il‑Papa jisħaq ukoll li matul ir‑Randan il‑Kattoliċi għandhom jagħmlu karità u jieħdu ħsieb lil dawk li jinsabu “f’qagħda ta’ tbatija, telqa jew biża’ minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19”.
Matul iż‑żmien tar‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti u jattendu l‑eżerċizzi spiritwali. Il‑Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir‑Randan u nhar il‑Ġimgħa l‑Kbira, kull min għalaq it‑18‑il sena u għadu ma daħalx fis‑60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d‑dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l‑14‑il sena għandu l‑obbligu jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna. Filwaqt li tinkuraġġixxi l‑penitenza fi żmien ir‑Randan, il‑Knisja tixtieq tfakkar li fost il‑jiem u ż‑żminijiet tal‑penitenza hemm il‑jum tal‑Ġimgħa matul is‑sena kollha.