Tlesta l-proġett ta’ restawr fuq il-Knisja Arċipretali ta’ San Filep t’Agira f’Ħaż-Żebbuġ, proġett li sar b’investiment ta’ €113,000, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett ġie inawgurat illum mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Silvio Schembri. Preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar.

Permezz ta’ dan il-proġett, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani ta’ Ħaż-Żebbuġ, sar ir-restawr tal-kampnari, il-koppla u t-tanbur (il-bażi) tagħha u l-lanterna kif ukoll saret sistema ġdida ta’ dawl iktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija.

L-Isqof Galea-Curmi rringrazzja lill-Arċipriet u l-parruċċani ta’ Ħaż-Żebbuġ, l-awtoritajiet u dawk kollha li taw sehemhom fil-ħidma ta’ restawr, kif ukoll lil Dun Daniel Cardona li kien l-arċipriet fiż-żmien li beda dan ix-xogħol. “Il-Knisja f’Malta għandha l-impenn li tħares il-patrimonju kulturali tagħha. Tagħmel dan b’sens ta’ ġustizzja mal-antentati tagħna li ħallew dan il-wirt hekk prezzjuż; b’servizz lejn il-poplu li jista’ jgawdi dak li hu sabiħ – u b’din il-ħidma li saret fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ igawdi l-poplu ta’ din il-lokalità imma wkoll il-poplu Malti kollu u dawk kollha li jiġu jżuru lil Malta u jistgħu japprezzaw il-wirt kulturali tagħna; u b’responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri li lilhom irridu nħallu wirt sabiħ,” qal l-Isqof Galea-Curmi.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri qal li permezz tal-Fondi Ewropej qed issir differenza fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. “Dan minbarra li dawn il-fondi qed jagħtu valur miżjud lill-lokalitajiet tagħna, u b’hekk inkomplu nżidu, is-sbuħija u l-valur turistiku fil-qalba tal-irħula,” qal il-Ministru Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz ta’ investiment ta’ €4 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq proġetti ta’ restawr fuq 33 knisja f’Malta bil-għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku. “Dan huwa investiment ieħor li twettaq b’fondi Ewropej, li għen lill-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ tirrestawra diversi partijiet minn din il-knisja, li hija tant għal qalb il-komunità Żebbuġija, waqt li titkompla l-ħidma tal-gvern biex jirrestawra l-wirt kulturali ta’ pajjiżna,” qal Dr Bonett.

Is-Sur Pace Ross fakkar kif din il-knisja tagħmel parti mir-rotta ċentrali taċ-Church Trails, li ġew introdotti riċentement, u li huma maħsuba biex it-turisti u l-Maltin igawdu dan il-patrimonju ekkleżjali li ġie restawrat permezz ta’ fondi Ewropej. Huwa rringrazzja lil Agius Stone Works tax-xogħol u lil EMCS tal-konsulenza.

Il-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ inbniet fil-bidu tas-seklu 17. Il-knisja oriġinali kienet inbniet fis-seklu 14 fuq l-art ta’ Filippo de Catania, intraprenditur Sqalli li kien ħallas għall-bini ta’ din il-knisja.