Photo: Vatican Media

Il-Papa Ljun XIV dalgħodu ħalla Angola għall-Guinea Ekwatorjali li huwa l-aħħar minn erba’ pajjiżi fil-Vjaġġ Appostoliku ta’ 11-il ġurnata fl-Afrika.

Fl-aħħar għodwa tiegħu f’Angola, il-Papa mexxa quddiesa privata fin-Nunzjatura Appostolika f’Luanda.

Huwa sellem lill-President Angolan João Manuel Gonçalves Lourenço u rikeb fl-ajruplan għall-Ginea Ekwatorjali fid-9:19am ħin lokali.

Fit-tlett ijiem li kellu f’Angola, il-Papa żar tlett ibliet: Luanda, Muxima, u Saurimo.

Il-Papa se jdum fil-Guinea Ewkatorjali sat-23 ta’ April.

L-aħħar li dan il-pajjiż kellu żjara minn Papa kien fl-1982. Il-pajjiż huwa wieħed mill-aktar pajjiżi sinjuri fl-Afrika, iżda l-faqar xorta għadu prevalenti.

Fr. José Ndong, Vigarju Episkopali għal attivitajiet pastorali fl-Arċidjoċesi ta’ Malabo, semma wkoll gruppi etniċi li qed ibiegħdu n-nies mill-Knisja Kattolika. Il-maġġoranza tan-nies fil-pajjiż huma Kattoliċi.

Qal ukoll li minkejja li għandhom ħafna problemi, bħala dixxipli ta’ Ġesù, ma jistgħux jitilfu l-fidi u t-tama tagħhom – “Iż-żjara tal-Papa se tgħinna nżommu dik it-tama u l-kuraġġ li nkomplu ngħixu ta’ Kristjani”.

Kompla jgħid li problema li qiegħda fuq moħħ ħafna nies f’Malabo hija l-mewt ħesrem ta’ Fr Fortunato Nsue Esono l-Ġimgħa, Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci