L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jaqsam il-wirt miegħi” (Lq 12:13). L-Evanġelju tal-lum jibda mal-ewwel  b’xi ħaġa li aħna nafu kemm kultant iġġib konflitti u disgwid fil-familji – il-wirt. U speċjalment meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil, u allura jkun hemm kwestjonijiet sħaħ fuq il-wirt li kultant idumu snin u, minħabba f’hekk, anke l-aħwa ma jitkellmux jew, fil-familja stess, ikollok nuqqas ta’ ftehim li jdum għal ħafna żmien. Kultant minħabba li xi ħadd ikun mhux ġust, imma l-problema hi li joħloq sitwazzjoni ħażina fil-familja kollha. U dar-raġel lil Ġesù jagħmillu din it-talba. Jgħidlu: “Għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi” (Lq 12:13). Issa jiena nifhmu lil dar-raġel, għax ma setax isib bniedem aħjar minn Ġesù, li jkun ġust.

Imma Ġesù ma riedx jidħol fin-nofs fi kwestjonijiet familjari – u nafu xi tfisser meta jkun hemm min jidħol fin-nofs u s-sitwazzjoni tiġi agħar – imma Ġesù ried pjuttost li aktar milli jittratta dal-każ, jiġbed l-attenzjoni tan-nies fuq xi ħaġa importanti ħafna. Jgħidilhom: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:15). X’inhi r-regħba? Ir-regħba hija meta int ikollok fik dik il-kilba biex takkwista, u jkollok aktar u aktar u aktar – jew flus, jew proprjetà – u qatt ma inti kuntent jew kuntenta. Dejjem għandek l-għatx. Li jiġri ħafna drabi – għalhekk Ġesù jgħid “iftħu għajnejkom” – hu li minn ħaġa għall-oħra u, jekk inti jkollok din fik, tibqa’ għaddej, u sena wara l-oħra, u ma tirrealizzax li fil-fatt m’intix qed tgħix il-ħajja tiegħek b’mod seren, fil-paċi.

X’tagħmel ir-regħba? Iġġiegħlek tkun egoist. Ir-regħba tfisser li int tkun qed taħseb biss fik innifsek, u f’ħadd iżjed – x’inhu l-aħjar għalik, x’tista’ takkwista għalik, kif tista’ tkun iktar komdu int, kif jista’ jkollok aktar int. Bħal dar-raġel tal-parabbola, li kellu ħafna imma ħaseb li l-aħjar ħaġa li jagħmel hu li jħott l-imħażen u jagħmel imħażen ġodda, biex ikollu aktar u jaħżen aktar. Jaħżen għalih. Dar-raġel ma qalx: jiena għandi, u miexi tajjeb, ħa naħseb f’min hu fil-bżonn. Ma qalx hekk, imma kollox għalih. Ir-regħba iġġiegħlek tkun egoist jew egoista.

Ir-regħba ma tħallik qatt fil-paċi, għaliex il-qalb ma tistax timtela bl-affarijiet li jkollna. Għalhekk Ġesù jgħid: “Imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu” (Lq 12:15). Kultant taraha din – tara kif bniedem ikollu ħafna, imma qatt ma hu fil-paċi, qatt ma jgawdi verament il-ħajja, dawk l-affarijiet sbieħ li jimlew tassew il-qalb. Ebda ħaġa li jkollok mhi se timla qalbek. U iktar ma jkollok dil-kilba biex ikollok xi ħaġa iktar, il-qalb ma timteliex. Ir-regħba wkoll tista’ ġġagħlek ma tirrealizzax li qed tagħmel ħsara lil ħaddieħor – bħal min ikollu kilba biex jibni, jirrovina l-ambjent imma għandu f’qalbu li jrid jibni hu, ikollu hu, idaħħal hu l-flus, u ma jagħtix każ ta’ dak li għandu jgawdi kulħadd, jiġifieri l-ħolqien ta’ Alla.

Ġesù jgħid xi ħaġa importanti ħafna, li rridu niftakruha, fuq dar-raġel li ħaseb li issa jista’ jgawdi, u jgħid: “strieħ, kul, ixrob, ixxala” (Lq 12:19). Jgħid: “Iblah li int! Dal-lejl stess jitolbuk lura ruħek. U l-ħwejjeġ li hejjejt għalik, ta’ min ikunu?” (Lq 12:20). Din il-mistoqsija li jagħmel hawnhekk hija verament mistoqsija li għandha ġġegħilna nirriflettu. Il-ħwejjeġ li aħna nakkwistaw ta’ min ikunu? Għalhekk importanti ħafna li aħna nagħrfu dak li qed jgħidilna. Hawn Ġesù mhux qed jitkellem kontra li aħna nagħmlu ħilitna għalina u għall-familja tagħna, biex ikollna ħajja deċenti, u dak kollu li hu meħtieġ għall-ħajja tagħna u tal-familja tagħna. Anzi, għandna nkomplu u nirsistu għal dan. Imma li qed jgħid Ġesù hawnhekk hu meta jkollna dik il-kilba biex nakkwistaw ħafna aktar, u ma nirrealizzawx li meta l-Mulej se jsejħilna, ma aħna se nieħdu xejn magħna. Ma nistax ngħidulu: jien bnejt torri, l-itwal wieħed li hawn, ħa nġibu miegħi! Tħallih hawn dak, għal ta’ warajk. Ikollok xi jkollok, ma tieħu xejn miegħek. X’nieħdu magħna meta l-Mulej isejħilna? Nieħdu magħna l-ġid li nkunu għamilna mal-oħrajn, mhux il-ġid li nkunu akkwistajna aħna għalina. Dak inħalluh hawn. Imma l-ġid li nkunu għamilna mal-oħrajn, u kemm inkunu għenna lil min hu fil-bżonn, dak neħduh magħna. Dak ikun tassew dak li l-Mulej talab minna: li aħna f’ħajjitna ma nkunux biss qed naħsbu fina nfusna, imma naħsbu fl-oħrajn, speċjalment f’dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, li aħna nagħrfu nużaw tajjeb il-ġid li għandna u li hu pprovidielna, b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta