Il‑Knisja f’Malta se jkollha erba’ saċerdoti ġodda. L‑ordinazzjoni presbiterali mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se ssir nhar is‑Sibt, 8 ta’ Mejju 2021, fid‑9:30 a.m., fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, u se tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
L‑erba’ djakni li ser jiġu ordnati saċerdoti huma:
- Roderick Baldacchino mill‑Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż‑Żejtun
- Joshua Cortis mill‑Parroċċa ta’ San Gejtanu, il‑Ħamrun
- Jean‑Claude Schembri mill‑Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż‑Żejtun
- Mark Scicluna tal‑Ordni tal‑Aħwa Minuri Kapuċċini
Iċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju qed jistieden liż‑żgħażagħ biex jirriflettu dwar il‑possibiltà li Alla qed isejħilhom għal ħajja saċerdotali jew reliġjuża. Filmat li ħareġ il-Ħadd li għadda f’Jum il-Vokazzjonijiet ifakkar li s‑saċerdot, b’għażla ħielsa, qed jingħata għas-servizz tal-oħrajn fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Iċ‑Ċentru ħejja wkoll intervisti qosra li jintroduċu l‑erba’ saċerdoti ġodda.
Il‑komunità tas‑Seminarju u l‑Ordni tal‑Aħwa Minuri Kapuċċini qed jistiednu lill‑Insara biex jingħaqdu magħhom f’mument ta’ talb għal vokazzjonijiet li se jixxandar fuq il‑paġna ta’ Facebook ‘Seminary Vocations Centre’ nhar il‑Ħamis, 6 ta’ Mejju fis‑7:30p.m. Il‑velja se ssir quddiem il‑Knisja ta’ Santa Liberata (tal-Kapuċċini), il‑Kalkara, u se titmexxa mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi.