L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kull darba li aħna nibdew il-quddiesa, nibdewha “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. U hekk nispiċċawha wkoll – fil-barka. Tindunaw li f’mumenti differenti tal-quddiesa, spiss – bħal fit-talba tal-Glorja, u fil-Kredu – insemmu lill-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Din hi l-festa li qed nagħmlu llum. Aħna qed niċċelebraw dan il-misteru kbir u tant importanti għall-fidi tagħna: li Alla hu wieħed, imma f’Alla hemm tliet persuni: il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Huwa misteru. Imma meta ngħidu “misteru”, ma nfissrux biss xi ħaġa li ma nifhmuhiex. Infissru li aħna, fil-moħħ żgħir tagħna, ma nistgħux inqiegħdu fih l-immensità ta’ Alla. U dak ifisser il-misteru tal-lum.
Inħobbu u nkunu maħbuba
Imma jekk Alla lilna wriena min hu, hemm xi ħaġa importanti li jrid jgħidilna. Dan narawh mill-kliem ta’ Ġesù stess, li jfisser dan fl-Evanġelju imma wkoll f’mumenti oħra. Qed jgħidilna li Alla hu mħabba. Alla hu komunjoni perfetta, jiġifieri f’Alla hemm l-għaqda sħiħa. Hemm l-imħabba li tfisser li tħobb u tkun maħbub. Dik hija essenzjalment il-ħajja tat-Trinità.
Imma dak li wriena Alla mhux biss min hu, imma min hu għalina. Hu ried iseħibna f’din il-ħajja tiegħu. Għalhekk, lilna, kull wieħed u waħda minna – aħna min aħna, ta’ liema nazzjon, razza, ġeneru – Alla ħalaqna xbieha tiegħu, bil-kapaċità, li tana hu, li nħobbu u nkunu maħbuba. Hemm, meta ningħaqdu tassew mal-Mulej, u nirċievu din l-imħabba tiegħu, nagħrfu kif, fil-fatt, fil-ħajja, l-isbaħ esperjenza hi din: li tħobb u li tkun maħbub. Għalhekk aħna msejħin, proprju għal dan. Fil-ħajja, jista’ jkollna s-sodisfazzjon ta’ ħafna affarijiet li naħdmu għalihom u li nilħqu, u din hi ħaġa sabiħa u ħaġa tajba; imma l-isbaħ fil-ħajja hu dejjem li nħobbu u li nkunu maħbuba.

Ngħixu l-imħabba fil-ħajja ta’ kuljum
Hu l-isbaħ għax hemmhekk qed iseħibna tassew mal-ħajja stess ta’ Alla, il-ħajja tiegħu li tkun fina. Din hi s-sejħa li jagħmlilna l-Mulej illum permezz ta’ din il-festa kbira li qed niċċelebraw: li aħna nagħrfu ngħixu fl-imħabba, li nagħrfu li għalhekk ħalaqna, biex aħna nkunu nies li nħobbu verament u li nirċievu l-imħabba. Li nagħrfu wkoll ngħixu din fil-ħajja konkreta ta’ kuljum. Mhijiex xi ħaġa tat-teorija, imma fil-prattika.
Kull darba li fil-ħajja tagħna naħdmu biex ningħaqdu flimkien, fir-rispett tad-diversità ta’ xulxin imma magħquda qalb waħda, qed ngħixu l-ħajja tat-Trinità, kif irid minna l-Mulej. Kull darba li f’dak li nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum, fl-affarijiet iż-żgħar, nuru sapport, appoġġ lil persuni oħra, naħsbu għal dawk li huma fil-bżonn, persuni vulnerabbli – kull darba li nagħmlu dan, qed ngħixu l-ħajja tat-Trinità. Għalhekk il-qalb tagħna tkun mimlija, għax inkunu qed ngħixu l-istess ħajja ta’ Alla li ried li aħna ngħixuha u li għalhekk sejħilna. Tajjeb li nagħrfu kemm hi sabiħa l-ħajja tat-Trinità meta aħna ngħixuha fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum.
Sorijiet li taw ħajjithom għall-akbar imħabba
Aħna hawnhekk qegħdin fir-residenza tas-Sorijiet tal-Karità, li proprju din hi l-missjoni tagħhom: li huma f’dak li jagħmlu juru mħabba lejn kull persuna, imma speċjalment f’oqsma differenti ta’ nies li huma fil-bżonn. Hawnhekk għandna l-ħajja tat-Trinità mgħixha. Meta nħares lejn is-sorijiet preżenti li hawn f’din il-komunità, ħafna minnhom ta’ età pjuttost kbira, niftakar li kull persuna ġġorr magħha esperjenza ta’ snin li tat ħajjitha b’imħabba. Għotja ta’ mħabba li għexet kull reliġjuża hawnhekk, li tfakkarna kemm hi sabiħa meta aħna ngħixu l-ħajja tat-Trinità.
Illum nixtieq nitlob kemm għas-sorijiet preżenti hawnhekk, u għall-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità, imma wkoll għal kull wieħed u waħda minna biex nagħrfu tassew din is-sejħa li Alla għamlilna, u kemm hi sabiħa meta ngħixuha. Kull darba li aħna ngħixu tassew din l-imħabba, il-komunjoni – l-imħabba li tfisser għotja, mhux li tfittex l-interessi tiegħek, u ġġib lejk – kull darba li ngħixu din l-imħabba, qed ngħixu l-ħajja tat-Trinità fina. Għal dan qed nitlob illum, u nitlob tassew biex aħna nagħrfu kemm hi sabiħa din il-ħajja, għax isseħibna tassew mal-ħajja ta’ Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




