
Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
F’dawn il-ġranet ta’ Aġġornament, aħna ffukajna ħafna fuq il-komunjoni, li hu wieħed mill-pilastri tal-Pjan Pastorali tal-Knisja f’Malta. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li qasmu r-riflessjonijiet tagħhom – nixtieq nirringrazzjahom mill-qalb, kif ukoll lill-Kummissjoni tal-Aġġornament tal-Kleru, li ħadmet ħafna biex torganizzah, u lil dawk kollha li taw sehemhom f’dawn il-laqgħat tagħna.
Naħseb li għenuna biex nirriflettu fuq dak li tfisser il-Knisja fil-qalba tagħha, għaliex il-Knisja mhijiex l-ewwelnett istituzzjoni, organizzazzjoni jew struttura waħedha, imma hija komunjoni mwielda mill-ħajja stess tat-Trinità Qaddisa. Qabel ma hija komunità ta’ nies li jemmnu, hija parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Aħna s-saċerdoti ninsabu fil-qalba ta’ dan il-misteru. Aħna ma ġejniex ordnati sempliċement biex inwettqu funzjoni, iżda biex inkunu qaddejja u bennejja tal-komunjoni. Kull sagrament li niċċelebraw, kull omelija li nippritkaw, kull deċiżjoni pastorali li nieħdu hija, fl-aħħar mill-aħħar, immirata biex tiġbor lill-Poplu ta’ Alla f’għaqda miegħu u ma’ xulxin.
Fid-dawl ta’ dan l-Aġġornament, nixtieq ngħid ħsieb qasir fuq xi punti li għandhom x’jaqsmu mal-komunjoni:
Il-komunjoni ma’ Alla: l-għajn ta’ kull komunjoni oħra
Qabel ma nitkellmu dwar ir-relazzjonijiet tagħna bejnietna u mal-oħrajn, irridu nibdew mir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Aħna saċerdoti ta’ Ġesù, nappartjenu lilu, u msejħin għal ħbiberija intima miegħu. Kull komunjoni saċerdotali awtentika tibda minn hawn.
Smajna kif il-ministeru tagħna jista’ faċilment jimtela b’attività kontinwa u jkollna ħafna laqgħat, proġetti pastorali, amministrazzjoni, u responsabbiltajiet bla tarf. Dawn kolha jridu jsiru, imma jridu jkunu frott tal-għaqda profonda ma’ Ġesù, li qalilna – u rridu nemmnuha aħna s-saċerdoti – “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Li jfisser li mingħajru l-ministeru tagħna gradwalment jitlef il-frott spiritwali tiegħu.
Il-poplu stess ifittex lil Alla, u jistenna minna li aħna nkunuh nafuh, inħobbuh u nwassluh.
Għalhekk għandna nibdew minn dak li jrawwem u jsaħħaħ il-komunjoni tagħna ma’ Alla: iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-Liturġija tas-Sigħat, l-Adorazzjoni, il-qrar regolari, id-direzzjoni spiritwali u l-formazzjoni kontinwa.
Nixtieq insemmi u nagħmel appell rigward l-irtiri: intom irċevejtu n-nota rigward l-irtiri li se jsiru. Minn Ottubru sa Diċembru hemm tliet irtiri differenti, u żewġ mumenti ta’ talb u riflessjoni għall-kleru. F’Ottubru hemm mument ta’ talb u riflessjoni, f’Novembru tliet irtiri, u f’Diċembru hemm mument ta’ talb u riflessjoni għall-kleru fl-Avvent. Is-sena d-dieħla wkoll f’Jannar hemm irtir għall-kleru, fi Frar irtir għall-kappillani, u hemm anke l-possibbiltà ta’ directed retreat għall-kleru. Insemmi dawn – u terġgħu tirċievu d-dettalji – ħalli ħadd ma jqegħidhom fil-ġenb bla ma jara l-bżonn li jieħu sehem f’xi wieħed minn dawn l-irtiri jew irtiri oħra, għax hemm li nistgħu nsaħħu tassew il-komunjoni tagħna ma’ Alla.
Il-komunjoni bejn is-saċerdoti: aħwa qabel kollaboraturi
Aħna smajna f’dawn il-ġranet b’enfasi dak li l-Konċilju Vatikan II jfakkarna: li s-saċerdoti huma marbuta flimkien bi fraternità sagramentali unika. Aħna m’aħniex individwi iżolati li nwettqu ministeri paralleli. Aħna nappartjenu għal presbiterju wieħed.
Din hija realtà faċli biex naqblu magħha fit-teorija iżda kultant diffiċli biex ngħixuha fil-prattika. Irridu niftakru li qed aħna ngħixu f’kultura li minnha nnifisha tippromwovi l-individwaliżmu. Xi drabi, tista’ tiġi waħedha li naraw lilna nfusna bħala operaturi indipendenti, kull wieħed responsabbli biss għall-qasam tiegħu, għall-proġetti tiegħu u għall-viżjoni tiegħu. Iżda s-saċerdozju qatt ma hu maħsub biex ikun vokazzjoni solitarja.
Il-komunjoni bejn is-saċerdoti tfisser, kif kellna ċans nirriflettu f’dawn il-ġranet:
Fraternità genwina – ħbiberija vera, fejn nistgħu nisimgħu lil xulxin, nitkellmu b’mod sinċier, nidħku, naqsmu l-piżijiet ta’ xulxin u nfittxu parir.
Appoġġ reċiproku – biex is-saċerdot ikun megħjun iġorr piżijiet kultant moħbija: hawn saċerdoti għaddejjin minn solitudni, qtigħ il-qalb, mard, diffikultajiet familjari, nixfa spiritwali jew diżappunti pastorali. Il-komunjoni tfisser li nagħrfu dawn il-piżijiet, kif ngħinu lil min ikun għaddej minn dan iż-żmien diffiċli, u nakkumpanjaw lil xulxin.
Rispett għad-doni differenti – l-Ispirtu s-Santu jqassam id-doni b’modi differenti. Kemm hu sabiħ meta tkun kapaċi tapprezza dawn id-doni. Meta nħares lejn is-saċerdoti ta’ kull età, ngħid: kemm hawn doni sbieħ! Kemm hawn saċerdoti li l-Mulej għanihom b’doni u talenti, u kemm hu sabiħ meta tarahom jiżviluppawhom u jgħixuhom. Il-komunjoni tiffjorixxi meta d-diversità ssir komplementarjetà u mhux rivalità – mhux inħares lejn ħaddieħor li se jeħodli xi ħaġa, imma li flimkien napprezzaw id-doni ta’ xulxin.
Lealtà u karità fil-kliem – waħda mill-akbar theddidiet għall-komunjoni saċerdotali hija l-kritika distruttiva. Kelma mitkellma bla ħsieb tista’ tweġġa’ relazzjoni għal ħafna snin. Għalhekk, il-komunjoni titlob dixxiplina fil-mod kif nitkellmu fuq xulxin. Insemmi dak li l-Papa Ljun XIV qal fl-Enċiklika Magnifica Humanitas, 214, taħt it-titlu: The need to disarm words: “The first contribution we can make toward a more humane civilization is to be mindful of our words”. Din tgħodd għal kulħadd – tgħodd għalina wkoll.
Il-maħfra – l-ebda komunità ma tibqa’ ħajja mingħajr il-maħfra. Aħna bnedmin, kultant niddiżappuntaw lil xulxin, nifhmu ħażin lil xulxin, nagħmlu żbalji. Il-komunjoni tibqa’ sħiħa u soda meta l-ħniena tgħinna negħlbu r-riżentiment.
Il-komunjoni mal-Isqof djoċesan
Irrid insemmi hawnhekk ukoll il-komunjoni mal-Isqof tad-djoċesi, li huwa l-Arċisqof, li huwa l-prinċipju viżibbli tal-għaqda fil-Knisja lokali. Fl-ordinazzjoni kull saċerdot iwiegħed rispett u ubbidjenza lill-Isqof tiegħu. Din il-wegħda mhijiex biss kwistjoni kanonika; hija realtà profondament teoloġika. Permezz tal-komunjoni mal-isqof, is-saċerdoti jibqgħu viżibbilment magħqudin mal-missjoni appostolika tal-Knisja.
Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm differenzi ta’ opinjoni. Madankollu, il-komunjoni titlob li kull differenza tiġi espressa b’rispett u fi spirtu ta’ karità ekkleżjali. L-għaqda mal-Isqof hi importanti ħafna biex aħna nistgħu ngħixu tassew bħala presbiterju wieħed.
Il-komunjoni mal-Poplu ta’ Alla
Ħa nsemmi l-komunjoni mal-Poplu ta’ Alla. Aħna hawnhekk ikkonċentrajna ħafna fuq il-komunjoni bejnietna, u dan hu bżonn. Tkellimna wkoll fuq il-komunjoni mal-Poplu ta’ Alla.
Irridu niftakru li aħna għandna missjoni partikulari, għax kull saċerdot hu sinjal u strument tal-komunjoni. Hu għalhekk li aħna ma għandniex inkunu ta’ parti biss, ta’ naħa – ta’ partit politiku, jew ta’ banda, jew ta’ grupp wieħed esklussivament – għax aħna strumenti tal-għaqda.
Din il-komunjoni mal-Poplu ta’ Alla nistgħu nsaħħuha bil-ministeru tal-preżenza – ħafna nies jiftakru inqas dak li nippritkaw u aktar il-fatt dak li aħna u li nkunu preżenti f’mumenti importanti ta’ ħajjithom, ta’ ferħ u ta’ niket: speċjalment ma’ min kien qed ibati, akkumpanjament fil-mard.
Is-smigħ – Il-komunjoni tibda meta n-nies iħossuhom mismugħa. Saċerdot li jaf jisma’ jsir pont ta’ rikonċiljazzjoni. Is-smigħ mhuwiex il-preludju għall-ministeru tagħna. Is-smigħ hu parti essenzjali mill-ministeru tagħna.
Il-kollaborazzjoni – L-Ispirtu s-Santu jaħdem permezz tal-imgħammdin kollha. Kif smajna, kulħadd għandu sehem fil-missjoni tal-Knisja – dan hu li qed iwassal ħafna wkoll il-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi Il-komunjoni tikber meta r-responsabbiltà tinqasam b’għaqal, uuru stima u rispett lejn xulxin. Irrid ngħid kemm hu importanti li l-kliem tagħna fil-komunitajiet fejn inkunu u fix-xogħol li nagħmlu jkun kliem li jiġbed u jgħaqqad lin-nies ma’ Ġesù u bejnietna, mhux li jimblokka lin-nies milli jieħdu sehem attiv.
Nilqgħu d-diversità – Fil-komunitajiet tagħna nsibu nies ta’ etajiet, kulturi, mentalitajiet u sensibilitajiet differenti. Il-komunjoni ma titlobx uniformità. Ħafna strumenti differenti joħolqu melodija waħda sabiħa.
Prattiċi li jrawmu l-komunjoni
Ħadt pjaċir li tul dawn il-ġranet, issemmew diversi prattiċi li jrawmu l-komunjoni, għax il-komunjoni ma tinżammx b’intenzjonijiet tajbin waħedhom, imma trid issib esperjenzi u drawwiet konkreti.
Issemmew, għall-komunjoni bejnietna, il-laqgħat informali u l-ikliet bejnietna. Insemmi l-formazzjoni kontinwa flimkien.
Insemmi wkoll kemm hu importanti li aħna nitolbu t-talb ma’ xulxin u għal xulxin. Nitolbu għal xulxin – diffiċli nibqgħu mbiegħda minn dawk li nġorru f’qalbna u f’talbna. Għalhekk importanti li aħna nżommu lil xulxin fit-talb tagħna.
Sfidi għall-komunjoni fi żmienna
Hemm diversi sfidi għall-komunjoni fi żmienna. Kellna ċ-ċans nisimgħu fuqhom ukoll, u fuq x’se nagħmlu dwarhom:
L-individwaliżmu –mentalità li tħeġġeġ l-awtonomija u l-awtosuffiċjenza.
L-iżolament – ħafna saċerdoti jesperjenzaw is-solitudni. Anki saċerdot okkupat ħafna jista’ jħossu waħdu ħafna. It-teknoloġija tista’ tgħaqqadna virtwalment imma tista’ wkoll tħallina emozzjonalment iżolati. Irridu noqogħdu ħafna attenti li tkun ta’ għajnuna għalina biex aktar ningħaqdu flimkien.
Sfida kbira hi ta’ saċerdoti li ma tarahom qatt f’okkażjonijiet bħal dawn. Iktar milli noqogħdu nitkellmu fuqhom, tajjeb li naħsbu bis-serjetà kif nistgħu aħna b’xi mod ngħinu ħalli ma jitilfux esperjenza sabiħa bħalma hi din tal-Aġġornament tal-Kleru.
Messaġġ ta’ tama
Il-komunjoni, meta ngħixuha tassew, issir evanġelizzazzjoni, xhieda qawwija tal-Evanġelju. Ġesù ma qalx li n-nies jagħrfu lid-dixxipli tiegħu mill-effiċjenza u mill-influwenza tagħhom. Huwa qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). U iktar tard qal dik it-talba li smajna hawnhekk referenza għaliha, u li hija talba insistenti li għamel Ġesù fl-Aħħar Ċena – isemmieha ħames darbiet – “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21). Għalhekk irridu niftakru li meta ngħixu dil-komunjoni, qegħdin diġà nevanġelizzaw. Dak li ngħidu marbut ħafna max-xhieda li nuru fir-rabta tagħna flimkien.
Aħna nafu li aħna għandna d-dgħufijiet u n-nuqqasijiet tagħna, u naffaċċjaw diversi sfidi. Imma għandna wkoll ħafna raġunijiet għaliex nibqgħu nittamaw. Kif għadna kif iċċelebrajna, l-Ispirtu s-Santu qatt ma jabbanduna lill-Knisja tiegħu.
Irrid li niftakru kemm hawn saċerdoti li jagħmlu l-ġid. Issemmew diversi – saċerdoti li bil-ħajja tagħhom, bil-kelma tagħhom, bil-missjoni tagħhom, għamlu l-ġid proprju għax għexu din il-komunjoni ma’ Alla u ma’ xulxin; saċerdoti li jaqdu b’ġenerożità, li jipperseveraw minkejja s-solitudni u s-sagrifiċċji, u li jkunu tassew bennejja ta’ komunjoni. Nixtieq li nuri ħafna apprezzament lejn din il-ħidma li ssir, li ħafna drabi ssir fis-skiet u fil-kwiet, imma li hi tant effettiva.
Nitolbu lill-Mulej illum biex jgħaqqadna aktar bħala presbiterju wieħed, jgħaqqadna bħala Knisja waħda, ifejjaq dejjem il-firdiet u jġedded il-fraternità; jgħinna niftakru min aħna, u jgħinna biex ngħixu tassew bħala sinjali u strumenti tal-komunjoni.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




