L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija, hemm mument meta s-saċerdot imiss b’sebgħu l-widnejn u l-fomm ta’ min ikun se jitgħammed u jgħid: “Sidna Ġesù, li ta s-smigħ lit-torox u l-kelma lill-imbikkmin, jagħti lilek ukoll il-grazzja li ma ddumx ma tkun tista’ tisma’ b’widnejk il-kelma tiegħu u tilqagħha, u tistqarr bil-fomm il-fidi tiegħek biex tfaħħar u ssebbaħ lil Alla l-Missier.”  Bħalissa, minħabba l-pandemija, is-saċerdot ma jmissx il-widnejn u l-fomm ta’ min ikun se jitgħammed, imma jgħid din it-talba li għandha tifsira kbira għal dak li l-magħmudija għandha tkun għalina.

Din tfakkarna ħafna fil-ġrajja li għadna kif smajna fl-Evanġelju skont San Mark illum, meta lil Ġesù jeħdulu wieħed trux u mbikkem, u Ġesù jfejqu billi jmisslu widnejh u fommu, u jagħtih mill-ġdid ħajja sħiħa. Ġesù, li dejjem għandu f’qalbu li jwassal l-imħabba ta’ Alla lill-bniedem, u li għalih kull persuna hi importanti, lil dal-bniedem ifejqu. Żgur li lilna, f’sens ieħor, Ġesù wkoll jista’ jagħtina ħafna fil-ħajja tagħna jekk nitolbuh li bħalma sar dakinhar tal-magħmudija, hu wkoll imissilna widnejna u fommna.

Għandi bżonn li jmissli widnejja biex jien nista’ nisma’ aktar il-kelma tiegħu u nilqagħha, u biex il-kelma tiegħu tkun ta’ ispirazzjoni għall-ħajja tiegħi; u nagħraf niddistingwi bejn il-kelma tiegħu u ħafna ħsejjes ta’ kliem ieħor li jkolli fil-ħajja. U mhux biss lilu, imma nisma’ wkoll lill-oħrajn. Ġesù jgħinni nisma’ lill-oħrajn b’mod li nilqa’ dak li huma jkunu qegħdin jgħidu. Kultant jiġrilna li meta nitkellmu, iktar tkun moħħok x’se tgħid milli li tisma’ tassew lill-ieħor jew lill-oħra. Għalhekk Ġesù jgħinna biex ikollna widnejna aktar miftuħa għalih, għall-kelma tiegħu, u għall-oħrajn.

Kemm nistgħu nagħmlu ġid meta aħna nitkellmu sewwa, kemm nistgħu nagħmlu ġid bi lsienna!

Għandi bżonn inħalli lil Ġesù jmissli wkoll fommi biex nista’ l-ewwel nett infaħħar lil Alla.  Qatt ma jkun li nkasbruh bi kliemna imma dejjem infaħħruh u nirringrazzjawh. Fl-Evanġelju jgħid li kif fejqu, ir-raġel beda “jitkellem sewwa”. Mhux li kien aħna dejjem nitkellmu sewwa! Kemm fuq Alla, u wkoll fuq l-oħrajn u mal-oħrajn. Meta Ġesù jmissilna l-fomm tagħna, jgħinna biex il-kliem tagħna mal-oħrajn ikun kliem ta’ inkoraġġiment, kliem ta’ għajnuna, kliem li jagħmel il-ġid. U anke fuq l-oħrajn, ikun kliem li jagħmel il-ġid. Kemm nistgħu nagħmlu ġid meta aħna nitkellmu sewwa, kemm nistgħu nagħmlu ġid bi lsienna!

Għalhekk din hi t-talba li nagħmlu lil Ġesù llum. Innutaw li fl-Evanġelju Ġesù, lil dan il-bniedem, ħadu ’l barra mill-folla tan-nies, u hemmhekk fejqu. Aħna għandna bżonn li kultant f’ħajjitna ninqatgħu ftit biex inkunu flimkien ma’ Ġesù; ninqatgħu, għaliex kultant, meta aħna fil-folla, il-kliem li nisimgħu ma jkunx ta’ ġid, u l-kliem li ngħidu ma jagħmilx ġid. Ġesù jgħinna, bil-qawwa tiegħu, biex dak li nisimgħu jkun tassew ta’ ġid, u dak li ngħidu jkun ukoll ta’ ġid.

Nitolbuh din il-grazzja: biex hu jmiss lil widnejna, ħalli nisimgħu aktar lilu u lill-oħrajn; u lil fommna biex dak li ngħidu jkun tassew ta’ tifħir lil Alla u ta’ ġid lill-oħrajn.