L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi flimkien mal‑Ministru għall‑Wirt Nazzjonali, l‑Arti u l‑Gvern Lokali Jose Herrera ppresedew għall‑iffirmar tat‑twaqqif tal‑Fondazzjoni tal‑Knisja tal‑Ġiżwiti.
Il‑Knisja taċ‑Ċirkonċiżjoni tal‑Mulej, magħrufa bħala l‑Knisja tal‑Ġiżwiti, hija waħda mill‑eqdem knejjes fil‑Belt Valletta, u waħda mill‑akbar fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Il‑Knisja kienet oriġinarjament inbniet bejn l‑1593 u l‑1609 mill‑Ordni tal‑Ġiżwiti. Il‑Knisja tinkludi xogħlijiet ta’ arti ta’ Mattia Preti, Giovanni Battista Caracciolo, Stefano Erardi u Alessio Erardi fost oħrajn, u l‑artal titulari huwa magħmul minn Filippo Paladini. Il‑kumpless jinkludi żewġ oratorji, wieħed magħruf bħala l‑Onorati u l‑ieħor bħala l‑Immakulata.
Waqt it‑twaqqif ta’ din il‑fondazzjoni, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qal li Malta, għalkemm żgħira, għandha patrimonju kbir u imprezzabbli li ħafna minnu hu marbut sewwasew mal‑fidi Kattolika. Huwa għalhekk li “l‑Knisja f’Malta għandha dan l‑impenn li tħares il‑patrimonju kulturali Kattoliku f’pajjiżna”.
Huwa qal li t‑twaqqif tal‑fondazzjoni, proprju fil‑festa ta’ San Injazju ta’ Loyola, il‑fundatur tal‑Ġiżwiti, għandu jgħin biex b’kollaborazzjoni sħiħa bejn Knisja u Stat, dan il‑patrimonju jkompli jitħares għall‑ġid tas‑soċjetà Maltija kollha. L‑Isqof awgura li din il‑kollaborazzjoni tkompli dejjem tissaħħaħ u li tagħti messaġġ qawwi lis‑soċjetà biex dejjem infittxu dak li hu veru, dak li hu sabiħ, dak li hu xieraq, dak li jibnina bħala poplu.
“Bi pjaċir inħabbar li wara snin ta’ negozjati, il‑Gvern wasal fi ftehim mal‑Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex tinħoloq fondazzjoni li ser tmexxi l‑knisja ddedikata liċ‑Ċirkonċiżjoni tal‑Mulej magħrufa bħala ‘tal‑Ġiżwiti’, flimkien maż‑żewġ oratorji,” sostna l‑Ministru Herrera.
Permezz tal‑fondazzjoni, il‑Gvern, flimkien mal‑Arċidjoċesi, se jkun qed jikkommetti ħidma sabiex tiġi salvagwardjata l‑knisja u l‑artefatti interni. Permezz ukoll tal‑fondazzjoni ser jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ proġetti sabiex jittejbu mhux biss il‑faċilitajiet iżda wkoll isir ir‑restawr neċessarju sabiex il‑knisja, filwaqt li tkompli tkun tempju għall‑Insara, tkun tista’ titgawda mill‑pubbliku u t‑turisti.
Il‑Ministru Herrera stqarr li l‑fondazzjoni ġiet immudellata fuq fondazzjoni simili, dik li tmexxi il‑Konkatidral ta’ San Ġwann, li matul dawn l‑aħħar 20 sena ħalliet il‑frott mixtieq. Huwa sostna li dan jawgura tajjeb għar‑relazzjonijiet ta’ bejn l‑Istat u l‑Knisja u jenfasizza l‑kordjalità li teżisti.
“Il‑Gvern jemmen bi sħiħ li l‑patrimonju ekkleżjastiku huwa parti essenzjali mill‑wirt storiku ta’ pajjiżna u li l‑Istat għandu l‑obbligu li jgħin lill‑Knisja tippreservah kif fil‑fatt qed jiġri. L‑għan ta’ din il‑fondazzjoni mhuwiex li tinterferixxi fil‑funzjonijiet reliġjużi imma li tirrestawra, tippreserva u tmexxi ’l quddiem dan il‑momument li għandu daqstant importanza storika f’pajjiżna,” sostna l‑Ministru Herrera.
Il‑fondazzjoni ser tkun immexxija minn Bord ta’ Gvernaturi magħmula minn 6 membri li huma: Dott. David Camilleri li għall‑ewwel sentejn ser ikun il‑President tal‑Fondazzjoni, Dott. Wilfred Buttigieg, is‑Sur Glen Gatt, Rev. Dott. Nicholas Doublet, Rev. Dott. Jesmond Manicaro, u s‑Sur Michael Pace Ross.