• Rappreżentanti tal-Konferenza Ewropea tar-Radjijiet Insara (ECCR) iltaqgħu f’Malta għal-laqgħa annwali bit-tema: “Iż-żgħażagħ u r-radjijiet tagħna fid-dinamika tas-Sinodu taż-Żgħażagħ”.

    Il-konferenza f’Malta, bejn is-17 u d-19 ta’ Ottubru 2017, ġiet organizzata minn Radju RTK.

    Il-parteċipanti kellhom l-opportunità jiltaqgħu mal-Arċisqof Charles J. Scicluna u jaqsmu l-esperjenza tagħhom tar-radjijiet Insara fil-pajjiżi rispettivi.

    L-ECCR hi magħmula minn aktar minn 650 stazzjon tar-radju fi 15-il pajjiż Ewropew, u l-għan tagħha hu li tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-umaniżmu Nisrani u l-ħidma ma’ awtoritajiet Ewropej.

    Fid-dawl tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Konferenza Ewropea tar-Radjijiet Insara kkundannat dan l-att u qalet li l-libertà tal-istampa sseħħ biss meta l-ġurnalisti jaħdmu mingħajr biża’. Il-parteċipanti ħeġġew lill-Gvern sabiex jiggarantixxi s-sigurtà meħtieġa lill-ġurnalisti.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja