L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-istħarriġ li għamel Ġesù mad-dixxipli tiegħu, biex jara n-nies x’jaħsbu fuq min kien, jidher li ma tax wisq riżultati tajbin. Id-dixxipli rrapportawlu li kien hemm min qed jgħid li hu Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn wieħed mill-profeti. Il-maġġoranza kbira ma kinux jafu sew min kien – u kienu żbaljati.

U meta staqsa mbagħad lilhom, lid-dixxipli, u Pietru qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla” – risposta tajba – Ġesù mal-ewwel spjega kif għandu jifhem il-kelma ‘Messija’: li hu kien se jbati ħafna, jiċħduh, joqtluh u fit-tielet jum iqum. Dan qalu lil Pietru għax fehem li Pietru f’dak il-mument ma kienx qed jara ċar li minn dan kellu jgħaddi l-Messija.

Għax Ġesù hu ħaj, il-kelma tiegħu hi ħajja. M’aħniex qed nitkellmu fuq xi ħadd li għallem ħafna affarijiet sbieħ fil-passat, imma fuq xi ħadd li llum jurina t-triq it-tajba, it-triq il-vera, għax huwa ħaj.

X’naraw f’dan l-Evanġelju għal ħajjitna llum? Hemm ħaġa li tidher tant ċara: li l-folla tan-nies mhux bilfors għandha raġun. X’jaħsbu n-nies mhux bilfors hu dejjem veru. Hawnhekk, fl-Evanġelju, jekk kien hemm min ħaseb li Ġesù kien Ġwanni l-Battista, ma kinitx kwestjoni ta’ opinjoni: jew kien jew ma kienx; l-istess, jew kien Elija jew ma kienx Elija. Mhix kwestjoni ta’ opinjoni li tista’ tkun tajba ta’ kulħadd. Dan hu dawl għall-ħajja tagħna għax kultant jiġri li aħna nħarsu lejn in-nies u naħsbu li se nsibu l-verità f’dak li jaħsbu n-nies – li dak li jaħsbu hu veru jew hu korrett. Jista’ jkun, imma jista’ ma jkunx ukoll. Għalhekk li jgħid l-Evanġelju llum hu li x’jaħsbu n-nies qatt ma għandu jkun kriterju ta’ dak li hu veru, ta’ dak li hu tajjeb, imma noqogħdu ħafna attenti li ma nitqarrqux f’dan; li ma nagħmlux x’jaħsbu l-oħrajn dak li jurina x’għandna naħsbu aħna jew x’għandna nagħmlu aħna.

Imbagħad hemm ħaġa oħra li tidher ċara fl-Evanġelju. Ġesù ried jispjega lid-dixxipli u jrid jgħid lilna wkoll illum li mhux biżżejjed inkun nafu fuqu, irridu nagħrfu tassew min hu. Diversi nies, anke llum, lil Ġesù jarawh bħala figura storika tal-passat, kien jgħallem affarijiet sbieħ, kien jagħmel il-mirakli, kien jagħmel il-ġid, kellu wkoll min mexa warajh, qishom qed jitkellmu fuq xi ħadd tal-imgħoddi. Imma Ġesù li jurina hawn hu li hu ħaj, għalhekk spjega min xiex kellu jgħaddi: iqum mill-mewt. Hu rebbieħ u hu ħaj.  

Din tagħmel id-differenza kollha għalina li nemmnu. Għax hu ħaj, il-kelma tiegħu hi ħajja. M’aħniex qed nitkellmu fuq xi ħadd li għallem ħafna affarijiet sbieħ fil-passat, imma fuq xi ħadd li llum jurina t-triq it-tajba, it-triq il-vera, għax huwa ħaj.

Għalhekk, illum tajjeb li nitolbuh lill-Mulej din il-grazzja: li meta jagħmel l-istess mistoqsija lilna “int min tgħid li jien?”, nagħrfuh bħala s-salvatur tagħna li hu ħaj, il-feddej ħaj tagħna, dak li miegħu nafu li aħna fiż-żgur u li jurina t-triq il-vera. U nitolbuh ukoll biex aħna dejjem noqogħdu attenti li ma nħarsux madwarna, x’jaħsbu l-oħrajn, u nemmnu li bilfors dak li jaħsbu l-oħrajn hu veru, jew hu tajjeb, jew għandna nimxu miegħu. Imma hu jagħtina l-grazzja biex fid-dawl tiegħu nagħżlu dak li hu tajjeb anke jekk l-oħrajn mhux qed jagħżluh, u ma nagħmlux dak li hu ħażin anke jekk l-oħrajn qed jagħmluh.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju