• The coat of arms of Bishop Charles J. Scicluna

  • It-Tlieta 20 ta’ Novembru 2012, saret laqgħa ta’ informazzjoni għall-ġurnalisti fil-Kurja tal-Arċisqof, bi tħejjija għall-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Charles J. Scicluna. Dawn l-avvenimenti se jilħqu l-qofol tagħhom nhar is-Sibt filgħodu, meta Mons. Charles J. Scicluna se jiġi kkonsagrat Isqof Awżiljarju ta’ Malta. Fost l-informazzjoni li ngħatat kien hemm l-ispjega tal-arma araldika tal-Isqof Scicluna.

    L-Arma Araldika tal-Isqof Mons. Charles J. Scicluna

    L-Arma araldika tal-isqof Scicluna hija ispirata mill-arma tradizzjonalment assenjata lill-kunjom tal-familja li għandha Żiemel rampanti u nofs qamar krexxenti ta’ lewn abjad/fidda fuq sfond aħmar. Mons Scicluna Żied il-warda safra/deheb imwerrqa bil-lewn aħdar.
    L-isfond aħmar ifakkarna fil-mant ta’ Kristu waqt il-passjoni “imxarrab bid-demm” (Apok. 19, 13): «Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!” U bdew jagħtuh bil-ħarta» (Ġw 19, 1-3).
    Iż-żiemel abjad/fidda ifakkarna fid-dehra li kellu l-Appostlu Ġwanni dwar Ġesù Kristu stess: “Imbagħad rajt is-sema miftuħ, u kien hemm żiemel abjad! Dak li kien riekeb fuqu jissejjaħ Fidil u Veru (Fidelis et Verax); bil-ġustizzja hu jaqta’ l-ħaqq u jagħmel il-gwerra. Għajnejh qishom ħuġġieġa nar, b’ħafna dijademi fuq rasu, u b’isem miktub fuqu li ħadd ħliefu ma jafu. Kien liebes mantell imxarrab bid-demm, u jissejjaħ bl-isem “il-Kelma ta’ Alla”. Mexjin warajh, fuq żwiemel bojod, kien hemm l-eżerċti tas-sema, lebsin l-għażel abjad bla nikta. Fuq il-mantell u fuq koxxtu għandu miktub isem: “Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien” (Apok. 19, 11-16).
    In-nofs qamar krexxenti abjad/fidda iffakkarna fix-xbieha ta’ stabilità li joffri is-Salm 72: «Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja. Hu jħares id-dritt tal-imsejknin tal-poplu, isalva l-fqajrin u jrażżan ’il min jgħakkishom. Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien». In-nofs qamar huwa wkoll simbolu tal-Verġni Marija u tal-Knisja, l-Għarusa ta’ Ġesù, b’riferenza għax-xbieha tal-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet: «Min hija dik li tielgħa bħaż-żerniq, sabiħa donnha l-qamar, tiddi bħax-xemx, tal-biża’ bħall-eżerċtu lest għat-taqbida?» (Għanj. 6, 10).
    Il-warda safra/deheb tfakkarna fi xbieha oħra tal-Verġni Marija peress li l-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet hija mxebbħa mal-warda: «Ġnien magħluq tajjeb int, oħti, għarusa tiegħi, ġnien magħluq tajjeb, għajn issiġillata. Jinbet ġnien tar-rummien minn ilmijietek, flimkien mal-ogħla ħxejjex: il-ward tal-ħenna, u l-ispika, spika u żagħfran, qasab ifuħ, kannella, kull siġra tal-inçens, mirra, sabbara, u l-aqwa balzmi kollha» (Għanj. 4, 12-14).
    Il-Motto bil-Latin: FIDELIS ET VERAX (Fidil u Veru) huwa meħud mill-Ktieb tal-Apokalissi 19, 11. Huwa t-titlu li jingħata lir-Rikkieb taż-żiemel abjad li huwa Ġesù Kristu nnifsu. In-nisrani jagħraf lir-Ragħaj it-tajjeb bħala ragħaj fidil f’kelmtu u li ma jqarraqx bil-merħla. L-isqof huwa meħud mill-merħla biex ikun Ragħaj fuq ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb Fidil u Veru.