Fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jmexxi kemm ċelebrazzjonijiet reliġjużi u devozzjonali, kif ukoll ċelebrazzjonijiet liturġiċi li se jsiru fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Nhar Jum id-Duluri (22 ta’ Marzu) fis-6.00 p.m. l-Arċisqof se se jmexxi il-Pellegrinaġġ Penitenzjali tar-Randan bl-istatwa tad-Duluri, l-Belt Valletta.

Nhar l-Erbgħa (27 ta’ Marzu) fit-8.00 p.m., l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jmexxi l-Via Crucis Nazzjonali.  It-tema se tkun marbuta mas-Sena tal-Fidi. Il-Via Crucis Nazzjonali se tibda minn ħdejn il-Monument ta’ Kristu Re fil-Furjana, tgħaddi mit-toroq tal-Belt Valletta u tintemm quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Il-Via Crucis hija organizzata minn Radju RTK flimkien mas-Segretarjat Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-attività tixxandar ‘live’ fuq Radju RTK (103 FM Stereo).

Nhar Ħamis ix-Xirka (28 ta’ Marzu) fid-9.30 a.m., tibda ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut Imqaddsa. Flimkien mal-Arċisqof, f’din iċ-ċelebrazzjoni jieħdu sehem saċerdoti djoċesani u reliġjużi. L-Arċisqof ibierek iż-Żjut Imqaddsa li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Griżma tal-Morda, tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni u l-Ordni Sagri. Is-saċerdoti preżenti jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-Ordinazzjoni Saċerdotali.

Nhar Ħamis ix-Xirka wkoll, issir it-tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof jittrasporta s-Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni, fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira (29 ta’ Marzu) fit-3.30 p.m., l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-mewt tal-Mulej. Matul iċ-ċelebrazzjoni jinqara r-rakkont tal-passjoni, bl-Adorazzjoni tas-Salib u bit-tqarbin.

F’Sibt il-Għid (30 ta’ Marzu) fit-8.00 p.m., l-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-tberik tan-Nar il-ġdid u tkompli bil-Liturġija tal-Kelma, il-Liturġija tal-Magħmudija u l-Liturġija tal-Ewkaristija.

Nhar Ħadd il-Għid (31 ta’ Marzu) fid-9.30 a.m., l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej. Wara jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja.

Ritratt: Photocity, Valletta