• The Arcbishop’s Homily

     

    Knisja Parrokkjali ta’ Ħal-Lija
    3 ta’ Mejju 2015
    Nirringrazzja lill-parroċċa għażiża tiegħi, Ħal-Lija, talli llum stednitni biex ngħid grazzi lill-Mulej flimkien magħkom. Ngħid grazzi lill-Mulej ta’ din is-sejħa ġdida li għamilli, u li qiegħed jagħmilli kuljum permezz tad-deċiżjoni tal-Papa Franġisku li jaħtarni r-ragħaj tagħkom.
    Fit-8 ta’ Diċembru 2012, aħna fraħna flimkien wara l-konsagrazzjoni tiegħi bħala Isqof, suċċessur tal-appostli, għax huwa tassew rigal sabiħ għall-parroċċa li wieħed minn uliedha jiġi kkonsagrat Isqof. Illum qegħdin nirringrazzjaw lil Alla tas-sejħa li qiegħed jagħmilli li nkun ir-ragħaj tagħkom, għax l-Arċisqof mhuwiex Isqof kwalunkwè imma huwa r-ragħaj tad-djoċesi. Wara l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nunzju, f’isem il-Papa, ser ilibbisni l-pallium ta’ Arċisqof Metropolita u jfakkarni li din ix-xalla tas-suf li hemm taħt l-arma tiegħi, hija s-simbolu tan-nagħġa li refa’ fuq spallejħ ir-Ragħaj it-Tajjeb.
    Illum ejjew nirringrazzjaw lil Alla ta’ din il-vokazzjoni ġdida li iżjed milli għalija, hija għalikom u għad-Djoċesi. Illum il-parroċċa tifraħ għax wieħed minn uliedha se jingħata għad-Djoċesi kollha, b’titlu ta’ ubbidjenza u ta’ għotja, u jekk nista’ ninsa ma nibżax għaliex il-Vanġelu tal-lum (Ġw15, 1-8), fejn Ġesù s-Salvatur isejjaħ lilu nnifsu d-dielja vera, ifakkarni li jiena biss fergħa. It-talba tiegħi, bħalma għandha tkun it-talba ta’ kull wieħed minna, hi li meta l-Missier, il-bidwi ta’ din id-dielja, jiġi għaż-żabra fil-ħajja tagħna u jara liema friegħi se jaqta’ għax mhumiex qed jagħmlu l-frott u liema huma dawk li se jiżbor biex jagħmlu iktar frott, isibna tajbin għaż-żabra.
    Jalla l-Mulej, u dan nitlobkom titolbu, isibni fergħa li għandu bżonn jiżbor biex nagħmlu iżjed frott, għaliex iż-żabra hija s-sinjal li Alla jħobbna u jittama fina. Hu jaf li ż-żabra hija essenzjali biex aħna nagħmlu l-frott. Ma nistgħux naħarbu miż-żabra tal-Mulej, għaliex dak huwa l-ġudizzju ta’ ħniena li hu juża’ magħna. “Inti għandek futur, se tagħmel ħafna frott u fil-ħniena tiegħi jiena niżbrok, niżbrok billi nċanfrek bil-kelma tiegħi, imma nqawwik bil-ħniena tiegħi”. Dan il-kliem għandu bżonn jisimgħu l-Isqof kuljum, għaliex ż-żabra tal-Arċisqof hija bħal tagħkom, imma d-don li ngħatalu mhux għalih imma għalikom.    
    Fl-Ewwel Qari li smajna llum (Atti 9,26-31), il-komunità tibża’ minn dan il-bniedem jismu Sawl, isem ieħor tiegħu huwa Pawlu, imma Barnaba jidħol għalih u jgħidilhom: “dan iltaqa’ ma Ġesù fit-triq ta’ Damasku, dan iddefenda l-isem ta’ Ġesù ma’ sħabu l-Lhud, jistħoqqlu l-fiduċja tagħna”. Il-kriterju li aħna nibqgħu f’Ġesù jibqa’ s-smigħ tal-kelma t’Alla, “Isimgħu lilu” (Mt 17,5). Dan il-kliem għażiż li aħna smajna fuq it-Tabor huwa wkoll il-kejl u l-pedament tal-għaqda tagħna m’Alla. “Ibqgħu fija, jiena nibqa’ fikom”. Imma l-kriterju u l-mezz huwa li aħna nisimgħuh. San Ġwann jgħidilna: “is-smigħ irid iwassal għall-ħajja, li jiena ngħix dak li nisma”.  Aħna nafu dan: li għandna bżonnu.
    Jien minn issa nistedinkom biex bħala parroċċa, bħala Djoċesi, niċċelebraw b’mod profond is-Sena tal-Ħniena li l-Papa se jniedi fit-8 ta’ Diċembru. Jalla aħna niskopru kemm hu sabih l-isem tas-Salvatur: Alla jsalva, Ġesù, Alla jsalva. Dan huwa fidil u veru: fidil għaliex ma jqarraqx bik, u jgħidlek dejjem il-kelma tal-verità. Jaf ukoll iħenn għalik, jgħinek u jwieżen. Jalla is-Salvatur ikun Ġesù kemm għalija, l-Isqof tagħkom, u kemm għalikom, il-merħla tiegħu.

    Charles J. Scicluna
       Arċisqof ta’ Malta