Illejla, waqt il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra s‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lil erbatax‑il katekumenu, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l‑ħajja Nisranija.

L‑erbatax‑il adult, li llejla b’dawn is‑sagramenti ser isiru membri ġodda tal‑Knisja Kattolika, huma minn għaxar pajjiżi differenti: Malta, iċ‑Ċina, il‑Kosta tal‑Avorju, il‑Portugall, ir‑Repubblika Ċeka, ir‑Russja, il‑Libja, il‑Kuwajt, in‑Nepal u l‑Albanija.

Matul ir‑Randan, dawn il‑persuni ltaqgħu mal‑Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il‑mument importanti f’ħajjithom. Waħda minn dawn il‑katekumeni hi Alisa, li twieldet ir‑Russja minn ġenituri li ma jħaddnu ebda reliġjon, u li ħallew f’idejha tagħżel liema twemmin tixtieq tħaddan. Matul żgħożitha u anke iktar ’il quddiem, Alisa kienet tħoss li hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajjitha. Madanakollu xorta baqgħet tiċħad il‑fidi għaliex kienet tqisha oppressiva. Wara li għaddiet minn diversi esperjenzi koroh, persuna qrib tagħha stednitha tmur quddiesa tal‑Ħadd u kien hemmhekk li Alisa indunat x’kellha nieqes f’ħajjitha u li naqset tagħraf kemm il‑ħajja hi sabiħa u prezzjuża. Minn dakinhar, iktar ma kompliet tistaqsi u titgħallem dwar il‑fidi Nisranija, Alisa iktar kienet tħossha ħielsa mit‑toqol li ġarrbet f’ħajjitha. Din il‑bidla kompliet issaħħaħ iktar ix‑xewqa tagħha li tirċievi l-magħmudija u ssir membru ġdid tal‑Knisja Kattolika.

Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Vġili tal‑Għid tibda fit‑8:00 p.m. u tinkludi: it‑tberik tan‑nar li jsir fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral ta’ San Ġwann u tkompli bit‑tħabbira tal‑Għid; il‑qari ta’ siltiet mill‑Kotba Mqaddsa u l‑kant tal‑Glorja; it‑tberik tal‑ilma, jiġifieri meta l‑blandun mixgħul min-nar imbierek fuq iz‑zuntier jiddaħħal fl‑ilma; u l‑liturġija tal‑Ewkaristija.

Bl‑ilma mbierek jitgħammdu l‑katekumeni li jirċievu wkoll il‑Griżma tal‑Isqof biż‑żejt tal‑Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix‑Xirka filgħodu. Waqt l‑istess Vġili, l‑imgħammdin ġodda jirċievu t‑tqarbin. Fil‑Knisja Kattolika dawn is‑sagramenti huma l‑pedament li fuqhom tinbena l‑ħajja tal‑membri tagħha u li jħejju t‑triq għas‑sagramenti l‑oħra.