L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-sena li bdejna propju l-Ħadd li għadda hija ddedikata lil-Evanġelju ta’ San Mark bħalma s-sena li għaddiet kienet iddedikata lil-Evanġelju ta’ San Mattew u s-sena 2021 u 2022 se tkun iddedikata lill-Evanġelju ta’ San Luqa.

Din is-sena hija ddedikata lill-iqsar Evanġelju u għalhekk, fil-Ħdud ta’ din is-sena se nisimgħu mhux biss siltiet mill-Evanġelju ta’ San Mark imma wkoll siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. Iċ-ċiklu tal-Ħdud jaqsmu l-Evanġelju fi tliet snin. San Ġwann m’għandux sena ddedikata għalih imma naqraw lil San Ġwann fil-festi l-kbar bħalma huma Milied u l-Għid u anke fil-passju tal-Ġimgħa l-Kbira. Peress li San Mark fih biss 16-il kapitlu, fis-sena ta’ San Mark, din is-sena, nisimgħu wkoll siltiet kbar mill-Evanġelju ta’ San Ġwann b’mod speċjali meta naslu għall-Ħdud sħan tas-sajf.

San Ġwann huwa Evanġelju straordinarju imma San Mark ukoll għaliex San Mark huwa Evanġelju essenzjali. Fil-fatt m’għandux ir-rakkont tat-tfulija ta’ Ġesù allura se tindunaw li din is-sena fil-Ħdud tal-Avvent mhux se jkollna rakkont ta’ tħejjija għat-twelid ta’ Ġesù imma se jkollna espresssjonijiet qawwija kemm mill-Evanġelju ta’ San Mark u kemm mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li jippreparawna għal din il-festa li qegħdin inħejju għaliha.

Dun Gordon Refalo jingħata l-pussess bħala l-kappillan il-ġdid tal-parroċċa tal-Gżira

Illum, il-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna mill-ewwel li l-Evanġelju huwa bxara tajba. Wara kollox evangelion, l-Evanġelju, hekk ifisser, aħbar jew bxara tajba. U l-bxara tajba mhijiex dwar xi ħaġa li ġrat imma dwar persuna. Hija l-aħbar it-tajba, il-bxara t-tajba ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla.

San Mark jibda bit-tħejjija għall-miġja ta’ Ġesù fil-missjoni pubblika tiegħu billi jikkwota l-Profeta Iżaija u jitkellem dwar “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert (Lq 3:4). Din l-espressjoni se nerġgħu nisimgħuha anke l-Ħadd li ġej u allura xtaqt li llum, anke f’din l-okkażjoni tal-pussess ta’ Dun Gordon Refalo bħala l-kappillan il-ġdid tal-komunità għażiża tal-Gżira, nieħu spunt mill-ewwel qari li smajna fejn il-Profeta Iżaija jkellem lill-poplu umiljat minħabba dnubietu, mimli ansjetà u lis-saċerdoti u lill-kapijiet u lill-profeti tal-poplu jgħidilhom: “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi. Kellmu lill-qalb ta’ Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallset ħżunitha” (Iż 40:1-2).

Imbagħad jibda jħejji t-triq. “Leħen jgħajjat: ‘Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri. Jintradam kull wied, jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħattba ssir wita, kull art imħarbta maqgħad” (Iż 40: 3-4).

Dan x’inhu dan il-leħen jgħajjat fid-deżert? L-imperaturi, is-slaten, in-nies importanti fl-epoka ta’ Ġesù imma anke qabel, fl-epoka wkoll ta’ Iżaija, qed ngħidu xi 300 sena qabel Ġesù, meta jmorru minn belt għall-oħra jibagħtu grupp ta’ nies mhux biss biex iħabbru li waslu imma kienu jibagħtu donnu qishom Project Malta, biex it-triq iwittuha. Jiġifieri aħna, meta tiġi r-Reġina jew meta jiġi l-Papa, ikollna esperjenza simili jgħidu, imma hekk kienu jagħmlu.

Allura, il-profeta qed juża din l-esperjenza li meta jkun ġej ir-re jew l-imperatur, inwittu t-triq u jgħid: “Jintradam kull wied, u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħattba titwitta, kull art imħarbta ssir maqgħad” (Iż 40:4). Jiġifieri, nirranġaw kollox, nagħmlu ftitlandscaping għax ġej xi ħadd importanti. ““Leħen jgħajjat: Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert” (Iż 40:3). Litteralment ħejju t-triq!

L-Arċisqof ibierek il-kappella ta’ Sant’Antnin ta’ Padova li tinsab fil-Forti Manoel

Ovvjament fl-Avvent, din l-għajta mill-Profeta Iżaija — li tirrepeti ruħha kemm fl-Evanġelju tal-lum, se nerġgħu nsibuha wkoll fl-Evanġelju tal-Ħadd li ġej — fiha messaġġ għalina. Jiena liema wied irrid nimla? Il-wied tad-dgħufija tiegħi. Liema muntanja rrid inniżżel? Il-muntanja tas-suppervja tiegħi. Hekk niprepara t-triq għall-Mulej.

Għażiż Dun Gordon, bħala konsenja fil-bidu ta’ din l-avventura ġdida bħala kappillan tal-Gżira, nagħtik propju l-ewwel eżortazzjoni tal-Profeta Iżaija. Jalla l-poplu għażiż tal-Gżira fik jara dak li jġiblu faraġ, li jkellem lil qalb tiegħu u jgħidlu: tinkwetax, tibżax, Alla hu għalik Salvatur, Alla huwa miegħek. “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi” (Iż 30:1).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 40:1-5.9-11
Salm: 84 (85), 8-9ab.10-14
Qari II: 2 Piet 3:8-14
Evanġelju: Mk 1:1-8

More Photos >>