L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jekk xi ħadd irid jaqdini, għandu jimxi warajja” (Ġw 12:26). Aħna u nirringrazzjaw lill-Mulej għax-xhieda sabiħa tar-Reġina Eliżabetta II u noffru din il-quddiesa b’suffraġju għal ruħha, irridu nsellmu wkoll dixxiplu fidil tal-Mulej.

Meta fl-1953 għamlet messaġġ fl-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tagħha, hi talbet lis-sudditi tagħha u liċ-ċittadini kollha tal-Commonwealth dan il-pjaċir: “I want to ask you all, whatever your religion may be, to pray for me on that day—to pray that God may give me wisdom and strength to carry out the solemn promises I shall be making, and that I may faithfully serve Him and you, all the days of my life.

Tolqotni li f’dan il-pjaċir li talbet lis-sudditi tagħha, ir-reġina ma talbitx ubbidjenza għamja, u l-lealtà li s-sudditu jrid juri lis-sovran, lill-kap tal-istat, imma talbet il-pjaċir lill-poplu li ħaddanha bħala reġina tiegħu, jiftakar fiha fit-talb tiegħu. U talbet il-grazzja li tkun tista’ taqdi lil Alla u lill-poplu b’fedeltà fil-jiem kollha ta’ ħajjitha.

Il-manifestazzjoni kbira ta’ devozzjoni li qed naraw bħalissa ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini, l-ewwel fl-Iskozja u issa Londra, jippruvaw almenu jilmħu għal ftit it-tebut tar-reġina biex isellmulha, hi risposta u rikonoxximent tal-fatt li r-reġina din il-grazzja li talbet 70 sena ilu, il-Mulej mhux biss taha l-grazzja li tkun realtà f’ħajjitha imma li tkun ukoll xhud tagħha.

Aħna llum qegħdin ukoll mhux biss nitolbu għal ruħha bħala Nisranija mgħammda bħalna imma wkoll nirrikonoxxu li kienet xhud ta’ lealtà u ta’ fedeltà li tibqa’ mnaqqxa f’qalbna bħala eżempju sabiħ ta’ kif tkun mexxej mingħajr ħafna storbju imma bl-eżempju li jkaxkar.

Kienet konxja li trid tagħti kont lil Alla ta’ kif qed taqdi d-dover tagħha. Alla ma kienx xi ħaġa ’l bogħod jew xi ħaġa sabiħa li tikkwota f’okkażjoni ta’ apparenza. Il-ġurament li ħadet fl-inkurunazzjoni tagħha għexitu sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.

Aħna niftakru b’għożża kbira l-messaġġi li r-reġina kienet tagħti fil-Milied għax ‘the Christmas Message of her Majesty the Queen’ kien dejjem espressjoni profonda, sempliċi u kordjali, mill-qalb, tal-fidi tagħha. Fis-sena 2000 qalet hekk fil-messaġġ tal-Milied: “To many of us, our beliefs are of fundamental importance. For me, the teachings of Christ and my own personal accountability before God provide a framework in which I try to live my life. I, like so many of you, have drawn great comfort from Christ’s words and example.

Waqt li qed nerġa’ naqra dan id-diskors, waħda mill-affarijiet li laqtuni f’dan il-mument meta aħna qed nitolbu b’suffraġju tar-Reġina Eliżabetta hi l-fatt li hi b’umiltà kbira quddiem Alla titkellem fuq dak li sejħet ‘my own personal accountability before God’. Kienet konxja li trid tagħti kont lil Alla ta’ kif qed taqdi d-dover tagħha. Alla ma kienx xi ħaġa ’l bogħod jew xi ħaġa sabiħa li tikkwota f’okkażjoni ta’ apparenza. Il-ġurament li ħadet fl-inkurunazzjoni tagħha għexitu sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.

U fl-2012 qalet hekk: “This is the time of year when we remember that God sent his only Son to serve and not to be served.” Biex ir-reġina tiftakar dan il-kliem ta’ Ġesù, hi li kellha servitù bil-mijiet, wieħed jifhem li hi kienet tgħix il-vokazzjoni tagħha bħala servizz. Id-devozzjoni, l-imħabba lill-popli tad-dinja qegħdin juru f’dawn il-mumenti huma xhieda ta’ kemm il-poplu jagħraf fir-reġina r-reġina qaddejja.

Nistgħu ngħidu li l-vokazzjoni tagħha hi vokazzjoni għolja u ta’ responsabbiltà kbira għax il-providenza poġġietha għal 70 sena bħala dawl fuq muntanja u allura r-responsabbiltà hi enormi. Aħna lkoll niftakru d-dulur tagħha fl-2021 f’April, meta miet ir-raġel għażiż tagħha l-Prinċep Philip. U lkoll bqajna impressjonati, ammirati bix-xena tagħha weħidha fuq il-bank f’St George’s Chapel, Windsor titlob imbiegħda mill-familja minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid u weħidha fuq ħafna livelli għax mingħajr ir-raġel maħbub tagħha. Min jaf dak il-ħin jekk ftakritx fiż-żmien ħelu, li għaddew fil-gżejjer tagħna. Min jaf jekk ftakritx fil-Villa Gwardamanġa u f’dawk li hi kienet issejjaħ: ‘the isles of happy memories’. Min jaf!

Imma aħna, li llum qed insellmu l-memorja tar-Reġina Eliżabetta, ma nistgħux ninsew li m’aħniex biss nagħmlu att ta’ korteżija għall-pajjiż ħabib u li jistmana u li nistmawh. Imma qegħdin ukoll insellmu paġna importanti mill-istorja ta’ pajjiżna. Qed insellmu s-sovrana li fl-1964 iffirmat il-letters patent li jagħmluna stat indipendenti. Aħna grati wkoll lejn ir-reġina li meta ddeċidejna nsiru repubblika ma qattgħatx il-karti magħna, imma bqajna ħbieb. Reġgħet żaritna għal darba, darbtejn, tlieta, bl-istess grazzja, bl-istess maestà, bl-istess sens ta’ umoriżmu.

Aħna grati għal dan il-mod ta’ kif ir-reġina laqgħet id-deċiżjonijiet demokratiċi tagħna, sew meta għażilnieha bħala r-Reġina ta’ Malta fl-1964, kif ukoll meta ddeċidejna li nkunu repubblika imma fl-istess ħin nibqghu wkoll fil-Commonwealth. U l-għażla li hi tippresiedi personalment fl-aħħar Laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth f’Malta u prattikament kienet ukoll l-aħħar żjara barra r-Renju Unit tagħha, hu sinifikattiv. Nistgħu ngħidu li Malta fil-ħajja tar-Reġina Eliżabetta hi wkoll paġna importanti mill-istorja personali tagħha. Hemmhekk bdiet il-ħajja miżżewġa tagħha, hawnhekk ukoll temmet il-ħidma tagħha barra minn pajjiżha, għalkemm baqgħet sovrana sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.

Nixtieqkom terġgħu tirritornaw għall-aħħar messaġġ. Issa nafu li hu l-aħħar messaġġ li tat ir-Reġina Eliżabetta f’Diċembru li għadda fil-Milied. Kien l-ewwel Milied mingħajr il-Prinċep Philip u r-reġina ħassitha din it-telfa. Mur għidilha li ftit xhur wara l-Mulej kellu jsejħilha biex tingħaqad ukoll mar-raġel tagħha fl-eternità, f’dak il-post li mhuwiex ‘an isle of happy memories’ imma ‘a place of eternal happiness’.

Nhar it-Tnejn ningħaqdu mal-President għażiż tagħna, li jirrapreżentana f’Londra għall-funeral tagħha, u nsegwu t-talb li se jsir b’suffraġju għaliha fil-funeral tagħha. Nifhmu wkoll li l-funeral tagħha jingħalaq b’mod privat fis-7:30pm (ħin tal-Ingilterra), meta t-tebut tagħha jitpoġġa qrib it-tebut tal-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh.

Nixtieq nagħlaq b’din it-tislima tiegħi, tislima Nisranija billi nfakkar espressjoni li użat ir-reġina fil-famuż diskors minħabba l-Covid fl-2020, li kien wieħed partikolari. (Ir-reġina b’kollox ħames xandiriet straordinarji għamlet fis-70 sena tar-renju tagħha.) Kien ikollha r-ritmu tagħha, ta’ ċertu pronunzjament, imma dawn ix-xandiriet kienu ftit. U f’dak il-messaġġ tal-2020 minħabba l-Covid, ir-reġina fakkret xandira oħra li ma’ oħtha Margaret kienu għamlu bħala żgħażagħ li kienu fl-1940. Dakinhar, biex jagħmlu kuraġġ lit-tfal li kienu qegħdin jinfatmu mill-familji tagħhom biex ipoġġuhom f’postijiet siguri minħabba l-periklu tal-bumbardamenti fuq Londra, kienet użat l-espressjoni: ‘we will meet again, we will meet again.’ Issa jekk ikollna nirriflettu, mhux ħaġa sabiħa li naħsbu bħala Nsara, li din hi l-kelma wkoll li r-Reġina Eliżabetta tgħid lilna issa li daħlet fl-eternità: we will meet again?

I would like to greet our English-speaking friends. You may have actually understood most of the quotes from her Majesty the Queen. They were probably the muscles of a skeleton which tried to pay tribute to the fidelity of service, the beautiful witness of discipleship we have all seen and admired in her majesty Queen Elizabeth.

But I think that what brings us here is our faith in the risen Lord. I reminded ourselves of her prayer at her coronation asking her subjects and the people of the Commonwealth to pray that she may be a faithful servant of God and of her people, all the days of her life. And I am certain that this grace was granted to her Majesty.

As hundreds of thousands of people pay homage and tribute to a great servant Queen, we pray that we may be blessed by leaders who do not come to be served but to serve. Her Majesty after all had all the respect and pomp and circumstance of a queen, a sovereign, but what strikes us most in her beautiful person is that simplicity of heart, her amiable character, her sense of humour and her fidelity to her country, husband, and family.

And as we remember what she said in the 2020 message because of the Covid situation, we can also listen to her addressing us as now she is in the eternal life, she looks to us – her friends, her Christian family and tells us: we will meet again.

May the Lord grant her eternal rest, light perpetual shine upon her, may she rest in peace.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta