Il-Papa Franġisku ta widen għax-xewqa ta’ tant Insara biex fix-xahar Marjan ta’ Mejju, il-Knisja kollha tingħaqad fit-talb lil Ommna Marija għat-tmiem tal-pandemija li issa ilha iktar minn sena tagħfas fuq id-dinja kollha. Għalhekk il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni nieda l-inizjattiva li f’kull ġurnata tax-xahar ta’ Mejju, fis-6pm, tixxandar minn santwarji Marjani differenti t-talba tar-Rużarju li fiha jkunu jistgħu jipparteċipaw il-fidili Nsara tad-dinja kollha. Il-Papa Franġisku se jiftaħ u jagħlaq din il-“katina ta’ talb” billi jitlob minn żewġ postijiet Marjani sinifikattivi fil-Vatikan.

Fost it-tletin santwarju li minnhom sa jsir dan it-talb, ġie magħżul ukoll is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonnna Ta’ Pinu f’Għawdex, mnejn nhar it-Tlieta 25 ta’ Mejju, fis-6pm, se jixxandru bil-Malti l-Misteri tat-Tbatija mmexxija mill-Isqfijiet Maltin, b’intenzjoni speċjali għall-għalliema u l-edukaturi. Wara, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jmexxi quddiesa għall-edukaturi fis-Santwarju.

Barra mir-Rużarju fis-6pm f’għaqda ma’ xi santwarju Marjan fid-dinja, ta’ kuljum ukoll matul Mejju fil-Kappella tal-Madonna Ta’ Pinu se jsiru żewġ mumenti oħra ta’ talb: fit-8.15am, il-Mixegħla tal-Lampa taż-Żejt; fis-7.15pm, it-Tislima lill-Verġni Mbierka (nhar ta’ Erbgħa fl-10.00pm; nhar ta’ Ħadd fis-6.45pm). Barra minn hekk, matul il-ġurnata li tkun, fis-Santwarju jsir talb speċjali skont l-intenzjoni tal-Papa għal dik il-ġurnata.