Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, b’konsultazzjoni mal-iskejjel tal-Knisja, jinforma li: 

L-Iskejjel tal-Knisja fil-livell kindergarten u primarju se jiftħu fiżikament nhar it-Tnejn, 12 ta’ April, b’osservanza tal-protokolli tas-saħħa. L-iskejjel li kellhom sistema ta’ attendenza alternata minħabba l-ispazji li huma għandhom se jkomplu b’dik is-sistema. 

L-iskejjel sekondarji se jibdew lezzjonijiet online nhar it-Tnejn, 12 ta’ April, u se jiftħu fiżikament nhar l-Erbgħa, 14 ta’ April. Kull skola se tiddeċiedi liema snin u liema klassijiet se jattendu dakinhar, ekwivalenti ta’ żewġ forms bil-kumplament jibdew fiżikament il-Ġimgħa. Xi skejjel sekondarji wkoll għandhom sistema ta’ attendenza alternata minħabba spazju limitat. Nhar l-Erbgħa xi skejjel sekondarji tal-Knisja se jkollħom l-eżamijiet tal-Form 5s. 

Is-Sixth Forms tal-Knisja se jiftħu nhar it-Tnejn, 12 ta’ April, skont l-indikazzjonijiet li se jagħtu l-kapijiet tagħhom. Fl-istess ħin se jkomplu d-diskussjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiftħu fiżikament skont il-protokolli tas-saħħa. 

Il-ġenituri huma mħeġġa jsegwu l-indikazzjonijiet li se jirċeivu mill-iskejjel rispettivi tagħhom.