L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Tletin sena ilu, fl-1990, meta ġejt ordnat djaknu, kont mibgħut biex naqdi l-ministeru tiegħi f’din il-parroċċa ta’ San Sebastjan. Kienet esperjenza tassew sabiħa u li bqajt dejjem ngħożż. Fiż-żmien li domt hawn, laqatni kemm l-innu sabiħ lil San Sebastjan joħroġ verament mill-qalb meta jitkanta fil-knisja. Dan l-innu għandu ħafna x’jgħallimna fuq San Sebastjan u l-valur kbir tiegħu fil-ħajja tal-Knisja. Nixtieq insemmi erba’ punti partikulari ta’ dan l-innu u dak li jurina għall-ħajja tagħna llum.
Glorjuż suldat qalbieni
San Sebastjan hu msejjaħ “glorjuż suldat qalbieni”. Fil-fatt it-tradizzjoni tgħid li kien suldat tajjeb ħafna, bniedem ta’ professjonalità fil-ħidma tiegħu. Kien stmat ħafna bħala uffiċċjal tal-affari tiegħu fil-Gwardja Pretorjana ta’ Dijoklezjanu.
Imma kien qalbieni mhux biss għax kien jaqdi dmiru sew fix-xogħol ta’ suldat, imma fuq kollox għax kellu l-kuraġġ jimxi mas-sewwa. Kien bniedem ta’ sinsla, ta’ karattru. Fil-pożizzjoni li kellu, ġie mument fejn ried jagħmel għażla: jew jindiehes mal-imperatur u jibqa’ jgħidlu iva għal kollox, jimxi miegħu wkoll meta jagħmel il-ħażin; jew jieqaflu. Għażel it-triq l-iktar iebsa u waqaflu.
Sebastjan kien bniedem ta’ prinċipju li ma beżax jagħżel is-sewwa. F’dan għandu messaġġ qawwi li jagħtina llum. It-talba li nagħmel lil Alla llum hi biex kull min għandu xi awtorità fis-soċjetà Maltija jkun bniedem ta’ sinsla, ta’ prinċipju, li l-abjad jgħidlu abjad u l-iswed jgħidlu iswed, u ma jċedix għall-pressjoni biex jgħawweġ is-sewwa, imma li jemmen li l-għażla tas-sewwa hi t-triq rebbieħa. Imma din it-talba mhix biss għall-persuni fl-awtorità imma wkoll għal kull wieħed u waħda minna. Nitlob li jkollna l-kuraġġ li nagħżlu dejjem is-sewwa, kif jgħallimna dan is-suldat qalbieni.
Niftakru fil-messaġġ li smajna fit-Tieni Qari, fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu: “Jekk tbatu minħabba s-sewwa, henjin intom! … Aħjar tbati għax tagħmel it-tajjeb, jekk din hi r-rieda ta’ Alla, milli tbati għax tagħmel il-ħażin” (1 Pt 3:14.17). Diversi nies ma jniżżluhiex li trid tbati għax tagħmel it-tajjeb, imma San Sebastjan jurina li hemm hi l-qlubija vera, hemm hu l-kuraġġ.
It-talba li nagħmel lil Alla llum hi biex kull min għandu xi awtorità fis-soċjetà Maltija jkun bniedem ta’ sinsla … u ma jċedix għall-pressjoni biex jgħawweġ is-sewwa, imma li jemmen li l-għażla tas-sewwa hi t-triq rebbieħa.
Difensur tal-fidi tagħna
San Sebastjan hu msejjaħ ukoll “difensur tal-fidi tagħna”. Hu jurina bil-ħajja u bl-għażliet tiegħu li Alla jistħoqqlu l-ewwel, l-aħjar u l-aqwa. Hu dak li intom fil-parroċċa qed tfittxu li tgħixu din is-sena bit-talba ta’ San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, fittixni biex nadurak”. Alla hekk jistħoqqlu.
X’kienet il-kundanna ta’ San Sebastjan? Qiegħda minquxa hawn fuq f’din il-knisja: “Sebastianus Christianus”. Dik kienet il-kundanna – għax kien Nisrani. Ma kien hemm xejn iżjed. Dik kienet il-kundanna, imma dik kienet ukoll il-glorja tiegħu. Kien Nisrani ta’ veru. Ma ħalla xejn jingannah, bħalma hi regħba għall-flus jew il-kilba għall-poter. Ma ħalla xejn jiġi qabel Alla.
Miet martri u hekk ta l-aqwa xhieda tal-fidi. Aħna nafu li kellu, tista’ tgħid, martirju doppju. L-ikonografija normalment turi lil San Sebastjan marbut ma’ siġra bil-vleġeġ fih – u qala’ dawn il-vleġeġ proprju għax kien difensur tal-fidi. Ma mietx bil-vleġeġ, baqa ħaj, u ġie salvat mill-armla nobbli Sant’Irene li għall-bidu ħasbitu mejjet u marret biex tagħtih difna dinjituża, imma meta indunat li kien għadu ħaj, ħaditu u dewwietu.
Aktar tard, meta kien kompla l-missjoni tiegħu, miet imsawwat bil-bsaten u l-ġisem tiegħu mitfugħ ġo fossa fil-ħmieġ. Il-ħsieb kien li l-ġisem tiegħu qatt ma jsibuh, imma fil-fatt instab u ndifen b’dinjità. Il-martirju ta’ San Sebastjan ifakkarna fil-kliem ta’ Kristu li smajna fl-Evanġelju: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ” (Mt 10:28).
San Sebastjan jgħallimna li aħna wkoll imsejħin biex nagħtu xhieda tal-fidi tagħna u ma npartuha ma’ xejn. Jiġri kultant li qisna nistħu ngħidu li aħna Nsara, jew li nuru li aħna Nsara, ma mmorrux nispiċċaw bil-vleġeġ ta’ ħars ikrah jew diskors li jweġġa’.
It-talba li nagħmel lill-Mulej hi biex inkunu konvinti mill-fidi tagħna, u ma nibżgħux nistqarruha u nuruha f’għemilna. Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32).
Il-fidi ħaddnu minħabba fik
Lil San Sebastjan insellmulu wkoll fl-innu għal dawk il-pagani f’Ruma li “l-fidi ħaddnu minħabba fik”. San Sebastjan kien lest li jwassal il-fidi lill-oħrajn. Ma rraġunax li la qed jgħix ma’ oħrajn li ma jemmnux jew li jemmnu f’affarijiet differenti, aħjar jiskot.
Fil-ħabs ta’ Nikostratu pprietka l-Kelma ta’ Alla. Lin-nies ried iwassalhom għand Ġesù. Ħafna minn dawk li saru Nsara mietu martri. San Sebastjan kien jgħix il-kliem ta’ San Pietru li smajna llum: “Kunu dejjem imħejjija li tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom sodisfazzjon tat-tama li għandkom: imma wieġbu bil-ħlewwa u bil-ġieħ” (1 Pt 3:15-16).
Nitlob lill-Mulej biex bħal San Sebastjan inwasslu lill-oħrajn għand Ġesù, biex nagħtu sodisfazzjon tat-tama li għandna fih. Dan hu l-akbar ġid li nistgħu nagħtu u nagħmlu, u kontribut tassew f’waqtu għal soċjetà aħjar.
Mexxina u ieqaf magħna
Lil San Sebastjan nitolbuh ukoll fl-innu: “mexxina u ieqaf magħna”. Aħna mhux biss inħarsu lejh b’ammirazzjoni, mhux biss nimxu fuq l-eżempju li tana, imma nitolbuh jidħol għalina u jieqaf magħna bħala interċessur quddiem Alla.
Hu jidħol għalina fid-diffikultajiet tal-ħajja, meta nħabbtu wiċċna mal-iebes u kultant naħbtu naqtgħu qalbna. Bl-għajnuna tiegħu jirnexxielna nimxu ’l quddiem b’kuraġġ.
Tletin sena ilu, meta kont djaknu f’din il-parroċċa, tgħallimt xi ħaġa li bqajt niftakarha: li jkollna lil San Sebastjan f’qalbna u nkunu rebbieħa meta aħna bi kliemna nġibu l-imħabba u l-għaqda, mhux meta nitgħajru jew inweġġgħu lill-ġirien bi kliemna. Din hi xi ħaġa li San Sebastjan żgur jixtieq minna lkoll.
L-innu jfakkarna li San Sebastjan jkun f’qalbna meta jmexxina biex aħna nkunu bħalu: Nsara ta’ veru li ma nibżgħux nistqarru l-fidi tagħna u nwassluha speċjalment bl-għemil tagħna. Imbagħad inkunu nistgħu tassew ngħidu b’entużjażmu:
“B’leħen wieħed u b’qalb waħda
Kif aħna llum ferħanin
Viva ngħajtu Sebastiano
Protettur tagħna l-Qormin”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju